Huwa ġie kkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn u multa ta’ €500. Saret ordni ta’ trażżin favur il-vittma, kif ukoll ordni ta’ trattament għall-akkużat.
Raġel ta’ 62 sena minn Ħaż-Żabbar ġie kkundannat 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn fil-jum tat-Tlieta wara li ammetta l-akkużi ta’ vjolenza, fastidju u theddid kontra l-eks sieħba tiegħu.
L-akkużi irrigwardjaw episodji li seħħew f’diversi lokalitajiet, fosthom Ħal Balzan u l-Fgura, tul ix-xhur ta’ qabel Frar 2026.
Il-vittma kienet għamlet rapport dwar vjolenza domestika nhar it-28 ta’ Frar, akkumpanjata mill-avukat tagħha.
Hija qalet li kienet f’relazzjoni mal-imputat u li t-tnejn kienu jaħdmu fl-istess każin.
Wara li temmet ir-relazzjoni f’Mejju 2025, ll-imputat baqa’ jersaq lejha fuq il-post tax-xogħol, fejn allegatament kien imissha u jiffastidjaha.
Il-Qorti semgħet ukoll li meta l-vittma bdiet relazzjoni ġdida, l-imputat mar quddiem id-dar tagħha u nqala’ argument bejnu u s-sieħeb il-ġdid tagħha.
Meta ġie arrestat, l-imputat qal li kellu uġigħ f’dahru u ssejħet ambulanza biex tassistih. Huwa sussegwentement inżamm taħt arrest u tressaq il-Qorti, fejn ammetta l-akkużi miġjuba kontrih.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti qalet li, fid-dawl tal-ammissjoni tal-ħtija u ċ-ċirkostanzi tal-każ, piena effettiva ta’ ħabs ma tkunx proporzjonata.
Minbarra s-sentenza sospiża, il-Qorti imponiet multa ta’ €500 li għandha titħallas f’għaxar pagamenti u ħarġet ordni ta’ trażżin favur il-vittma.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trattament sabiex tingħatalu għajnuna psikoloġika.



