Raġel u mara li kienu estraditi minn Malta lejn l-Irlanda ta’ Fuq tressqu fil-Qorti ta’ Enniskillen fejn ġew mixlija li wettqu stupru u moħqrija fuq minuri.
Il-Pulizija Irlandiża qalet li l-imputati tressqu quddiem il-ġustizzja fl-14 ta’ Diċembru li għadda.
Ir-raġel li għandu 27 sena u l-mara li għandha 58 sena kienu estrediti lejn l-Irlanda ta’ Fuq fit-13 ta’ Diċembru li għadda. Ir-raġel kien qiegħed jiġi mfittex mill-Pulizija b’rabta ma’ każ ta’ stupru kif ukoll dwar sitt offiżi ta’ assalt li wasslu saħansitra għal tbatija fiżika.
Min-naħa tagħha l-mara kienet imfittxija biex twieġeb għall-akkużi ta’ tliet offiżi ta’ ħsara fiżika fuq il-minuri u tliet offiżi ta’ moħqrija fuq il-minuri.
Dawn l-allegat każi seħħew fl-Irlanda bejn Frar tal-2020 u Ġunju tal-2021.
Iż-żewġ persuni kienu ġew arrestati f’Għawdex fl-10 ta’ Settembru tas-sena li għaddiet u mill-ewwel bdew proċeduri ta’ estradizzjoni.
Iż-żewġ imputati baqgħu jinżammu arrestati.



