Wednesday, December 25, 2024

“Rajna b’għajnejna lill-qraba tagħna jegħrqu”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-Sea Watch b’ħames salvataġġi f’24 siegħa… 20 immigranti oħra maħsuba mejta

L-organizzazzjoni mhux governattiva li topera fil-baħar Mediterran b’vapuri biex issalva r-refuġjati ħabbret li f’inqas minn 24 siegħa għamlet ħames salvataġġi bl-aħħar wieħed il-bieraħ. F’dan l-aħħar salvataġġ, sfortuntament, meta waslu fuq il-post sabu madwar 50 persuna fil-baħar u huwa maħsub li 20 laħqu għerqu. 

Din it-traġedja umanitarja fl-ibħra tagħna hija oħra mill-ħafna li qegħdin iseħħu ta’ spiss. Il-membri tal-ekwipaġġ ta’ SeaWatch 3 irċevew talba urġenti għall-għajnuna u kien hawnn li marru fuq il-post. Dawn sabu 50 persuna fil-baħar, kif ukoll vapur tal-gwardja tal-kosta Libjana. “Is-sitwazzjoni kienet kaotika u bla kontroll. Id-dgħajsa kienet nofsha mgħarrqa u għadd ta’ refuġjati li spiċċaw fil-baħar, kienu qegħdin jissieltu għal ħajjithom”.

Il-membri tal-ekwipaġġ qalu li tkellmu mar-refuġjati li rnexxielhom isalvaw fejn dawn tal-aħħar qalulhom li raw b’għajnejhom stess lill-qraba tagħhom imutu. Ftit wara SeaWatch salvaw 87 refuġjati fuq dgħajsa oħra u issa huma rrapportati li jinsabu abbord SeaWatch 3.  

Ħamest ijiem ilu Sea Watch ħabbret li aktar minn 90 refuġjati tilfu ħajjithom fil-Baħar Mediterran u l-unika erba’ li salvaw ittieħdu b’mod legali lura l-Libja. Skont ma qalu l-istess refuġjati salvati, il-grupp kien ilu erbat ijiem jivvjaġġa fuq il-baħar meta d-dgħajsa li kienu fuqha nqalbet. 

Appell lill-Ewropa

“Dawn id-90 persuna”, irrapportat Sea Watch, “mhumiex numri. Dawn għerqu. Dan għax l-Ewropa qiegħda tkompli bl-istrateġija letali tagħha u mhux lesta li tipprovdi kuriduri siguri għal kulħadd, anke għal dawk li jkunu qegħdin jimxu minn post għall-ieħor. Ir-responsabbiltà tal-Ewropa għal dan id-diżastru għandha tkun ċara għax hekk ħaqqhom il-familji li tilfu lill-għeżież tagħhom”.

Din l-organizzazzjoni qiegħda ssostni li l-Unjoni Ewropea tista’ tikkordina u tiffinanzja programm ta’ salvataġġ ċivili u li “issa huwa l-waqt li tibda din l-operazzjoni”.

SeaWatch irrapportat li b’kollox salvaw 200 persuna fil-ħames salvataġġi li għamlu u li ħafna minn dawn ir-refuġjati għandhom bżonn ta’ kura medika urġenti. L-iżgħar fost dawk salvati hija tarbija li għandha inqas minn sena.

Ekonomija

Sport