“Rajna wisq dmija u vjolenza u ħafna minn ħutna kellhom jaħarbu minn pajjiżhom ’il bogħod mill-bumbardamenti”. Hekk beda biex jgħid waqt l-Urbi et Orbi fl-okkażjoni tal-Għid il-Kbir fl-indirizz tiegħu lil dawk kollha preżenti fi Pjazza San Pietru fil-Vatikan il-Papa Franġisku.
F’messaġġ kontra l-gwerra, il-Papa Franġisku stieden lil dawk kollha preżenti u l-oħrajn li kienu qegħdin isegwuh madwar id-dinja biex jilqgħu l-istedina tal-paċi f’qalbhom. “Jeħtieġ li ma nidrawx ngħixu fil-gwerra u jalla l-mexxejja tan-nazzjonijiet jisimgħu l-karba tal-popolin”, kompla Franġisku.
Il-Papa fakkar fost l-oħrajn lil dawk kollha li sfaw vittmi, it-tfal li spiċċaw orfni fil-gwerra, dawk ir-refuġjati li qed ifittxu tama ġdida, dawk li qed ibatu minn vjolenza domestika, jew minn abbużi oħra.
Matul l-appell kontinwu tiegħu għall-paċi, il-Papa Franġisku tkellem dwar is-sitwazzjonijiet f’diversi pajjiżi li fihom hemm diversi faxex tas-soċjetà li qegħdin ibatu l-inġustizzji riżultat tal-egoiżmu ta’ ħaddieħor.
Huwa qal li kull gwerra ġġib magħna konsegwenzi fuq il-bqija tad-dinja u dan jidher ċar minn dak li għaddej fl-Ukrajna. “Il-Paċi hija possibbli, il-paċi hija dmir u r-responsabbiltà primarja ta’ kulħadd”, tenna jgħid filwaqt li ta l-barka tiegħu.
Il-Papa kellu jpoġġi bilqiegħda minħabba tbatija biex iżomm bilwieqfa li dehret evidenti fl-espressjoni ta’ wiċċu fl-ewwel parti tad-diskors.