Sunday, November 24, 2024

“Rajt affarijiet li f’ħajti qatt ma xtaqt narahom”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Senatur Amerikan fi żjara importanti fl-Ukrajna…

Wara li għadd ta’ mexxejja żaru l-pajjiż mifni mill-gwerra tal-Ukrajna, kien imiss rappreżentant tal-Istati Uniti. Is-senatur Repubblikan tal-istat ta’ Montana, Steve Daines, irrakkonta l-atroċitajiet li qegħdin iseħħu mit-truppi Russi fuq ċittadini Ukreni wara żjara riċenti li għamel f’dan il-pajjiż. Din iż-żjara ħallietu xxokkjat b’dak li sab quddiem wiċċu.

“Hemm affarijiet li ħadd m’għandu jkollu jara… rajt affarijiet li f’ħajti qatt ma xtaqt narahom. Stajt nara l-brutalità fl-attakki Russi f’żoni residenzjali. Dawn kienu nies normali li kienu qegħdin jgħixu ħajjithom u mbagħad f’daqqa waħda nqatlu mir-Russi”. Hekk sostna Daines f’intervista ma’ “Fox News” li mar bħala uffiċjal Amerikan f’diversi żoni fl-Ukrajna. Huwa qal li fiż-żjara rrealizza l-ħruxija tal-attakki mill-forzi Russi u li fost l-agħar xeni li sab kien hemm dawk f’Bucha, madwar 20 mil barra Kyiv.

Daines qal li f’Bucha hemm ħafna kadavri midfuna f’oqbra tal-massa. Jingħad li f’din il-lokalità għaddejja ħidma intensiva fuq il-post biex ikunu identifikati l-vittmi kollha, kif ukoll biex tkun stabbilita l-kawża tal-mewt tagħhom.

“Fetħu borża minnhom u talbuni nittawwal. Fil-ftit ħin li stajt inħares rajt raġel li miet b’tir ta’ arma tan-nar fuq in-naħa ta’ wara ta’ rasu. Rajt ukoll il-ġisem bla ħajja ta’ mara. Dawn huma atti kriminali tal-gwerra u għalkemm din hija esperjenza kerha ħafna, kien importanti ħafna li kont hemm,” spjega s-senatur.

Daines irrefera għall-fatt li l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Boris Johnson u għadd ta’ mexxejja oħra, kif ukoll uffiċjali għolja minn diversi pajjiżi, f’dawn l-aħħar ġimgħat marru fl-Ukrajna. Huwa ammetta li l-Istati Uniti baqgħet ma bagħtietx rappreżentant tagħha u għaldaqstant iż-żjara tiegħu kienet waħda importanti ħafna. 

“Kien vjaġġ tal-biżgħa iżda, kellu jsir,” temm is-Senatur Steve Daines. 

Sport