Sunday, December 22, 2024

“Rajtu jgħolli saqajh u joħroġ sikkina … kif pruvajt inwaqqfu ħebb għalija”

Xhud fil-każ tal-qtil ta' Eġizzjan fil-Marsa

Aqra wkoll

Ir-raġel akkużat li fil-25 ta’ Lulju li għadda qatel ieħor fil-Marsa, allegatament ipprova jħebb ukoll bis-sikkina għal persuna oħra li nzerta kien fuq il-post u ra l-inċident iseħħ quddiemu.

Dan ħareġ mix-xhieda fil-Qorti hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Al Mahy Ezzo Saeed, Sudaniż li qed jiġi mixli bil-qtil tal-Eġizzjan Adri Mohammed.
“Niftakar li kien il-Ħadd. Kont mort f’ħanut fil-Marsa biex nixtri xi ikel,” qal ix-xhud Mbala Abdulla Sesai minn Sierra Leone. “Jiena kont 25 metru bogħod minn fejn seħħ l-inċident. Rajt lill-akkużat jagħti bil-ponn fid-direzzjoni tal-vittma. Wara rajtu jgħolli saqajh u joħroġ sikkina.”

Al Mahy Ezzo Saeed ta’ 28 sena huwa l-allegat aggressur li qatel Eġizzjan fil-Marsa

Ix-xhud qal ukoll li beda jgħajjat biex l-akkużat jieqaf, iżda dan ma tax kasu u allegatament rah jagħti daqqa ta’ sikkina fuq dahar il-vittma. Qal li t-tieni daqqa ta’ sikkina kienet fil-parti ta’ fuq ta’ sider il-vittma. “Rajt id-demm. Waqaft mix-xiri u ħriġt biex inċempel għall-pulizija.”

Sesai qal li mbagħad mar jiġri fl-Għassa tal-Marsa iżda sabha magħluqa. Meta daqq il-qanpiena, qaluli li l-Għassa tal-Ħamrun kienet l-eqreb għassa miftuħa. Ix-xhud imbagħad irritorna fuq il-post. “Għedt lill-allegat aggressur biex jibqa’ fil-post sakemm jaslu l-pulizija. Huwa rrifjuta u mbagħad xejjer is-sikkina fid-direzzjoni tiegħi. Meta reġa’ għamel l-istess, neħħejt il-qmis u għedtlu ‘għandek tistenna sakemm tasal il-pulizija.”

Ix-xhud qal li l-akkużat ma riedx jaf u reġa’ kien se jħebb għalih b’sikkina. B’xorti tajba huwa rnexxilu jevitah u mbagħad l-akkużat ħarab mill-post. Ix-xhud u diversi persuni oħra marru jiġru warajh u rnexxilhom iwaqqfuh meta pprova jitla’ fuq ċint.

Il-każ ikompli f’Ottubru. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Shawn Pawney megħjun mill-Avukati Anthony Vella u Ramon Bonett Sladden mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Jason Grima deher għall-imputat.

Ekonomija

Sport