Thursday, December 26, 2024

“Rajtu jserrep minn direzzjoni għall-oħra”

Xhieda fil-Qorti ta' persuna li kienet qiegħda fuq il-post dak il-ħin li seħħ l-inċident

Aqra wkoll

Hekk kif quddiem il-Maġistrat Marsanne Farugia kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Karl Vella Petroni, jinsab mixli li qatel b’mod involontarju żewġt irġiel aktar kmieni dan ix-xahar, xehdet persuna li kienet qiegħda fuq il-post dak il-ħin li seħħ l-inċident u rrakkontat kif rat il-vettura isserrep minn direzzjoni għal oħra u mbagħad spiċċat taħbat mal-mutur.

Il-persuna qalet li kienet qegħda tiġri u rat l-inċident iseħħ quddiem għajnejha. Xehdet li Vella Petroni kien qiegħed iserrep il-vettura tiegħu minn direzzjoni għal oħra, tant li ħin minnhom baqa’ jsuq fid-direzzjoni opposta, bil-konsegwenza li ħabat mal-mutur.

Il-persuna xehdet ukoll li x-xufier ħareġ mill-karozza. Spjega li wieħed mill-irġiel tal-mutur kien għal tulu fuq il-bankina b’ħafna demm ħiereġ minn ħalqu. Dwar ir-raġel l-ieħor li kien fl-għalqa, ix-xhud qal li ma bediex jieħu nifs.

Preżenti kien hemm xhud ieħor li qal li hu kien fi triqtu lejn ix-xogħol u li meta kien qiegħed isuq ċeda lil mutur sabiex jgħaddi qablu. FL-Awla huwa xehed li karozza li kienet qed issuq fid-direzzjoni opposta ħabtet fil-mutur u li kien f’xokk u li sakemm ġew il-Pulizija qagħad fuq il-bankina.

Min-naħa tal-iskwadra tal-Pulizija, xehed is-Surġent Francesco Mizzi, li qal li kien wieħed minn tal-ewwel fuq il-post. Mizzi qal li ra l-katavru b’diversi ġrieħi f’wiċċu f’għalqa, filwaqt li l-katavru kien viċin tal-karozza ta’ Vella Petroni. Huwa żied jgħid li l-akkużat kellu riħ qawwija ta’ xorb fuqu u li fl-istess ħin iż-żewġ vittmi ġew identifikati.

Rigward il-vittmi, l-Ispettur Mizzi qal li wieħed minnhom kien qiegħed jingħata c-CPR u minn karti li sab fil-basktijiet fl-għalqa fil-viċinanzi, kien hemm l-karti tal-identitá tal-vittmi u b’hekk ġew identifikati. Mizzi kompla jgħid li kien hemm żewġ persuni li raw l-inċident iseħħ. Qal li wieħed kien qed isuq wara l-mutur u raw l-karozza Smart taqsam il-karreġġjata u tidħol fil-mutur, bis-sewwieqa taru minn fuq il-mutur.

Waqt li d-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti ċaħdet it-talba mill-arrest u ordnat li Vella Peroni għandu jitpoġġa taħt ordni temporanja ta’ superviżjoni waqt li jibqa’ jinżamm arrestat il-ħabs.

Għall-akkużat qed jidhru l-avukati Charles Mercieca u Gianluca Caruana Curran. Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Godwin Scerri u l-avukat Matthew Xuereb qed jirrapreżenta l-familja tal-vittmi.

Il-każ mistenni jkompli jinstema’ nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Ġunju.

Ekonomija

Sport