Waqt it-tielet laqgħa ta’ konsultazzjoni fil-komunità dwar l-ewtanażja volontarja assistita, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg wissiet kontra strateġiji ta’ tbeżżigħ u misinformazzjoni fosthom dwar persuni b’diżabilità, anzjani u persuni b’saħħa mentali u fakkret li dawn il-kundizzjonijiet qatt ma jistgħu jkunu kkunsidrati għall-ewtanażja volontarja assistita.
B’udjenza numeruża fis-sala tal-komunità fil-Mosta, saru 22 intervent mill-pubbliku b’uħud minnhom li rrakkontaw esperjenzi ta’ tbatija ta’ qrabathom u l-biża li huma stess jistgħu jgħaddu mill-istess kalvarju minħabba kundizzjonijiet ereditarji serji.
Is-segretarju parlamentari rringrazzjat lill-membri tal-pubbliku li b’sagrifiċċju kbir reġgħu għexu s-sofferenza tagħhom iżda ħassew li riedu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom f’din il-konsultazzjoni pubblika b’rakkonti dwar it-tbatija kultant ta’ snin minħabba kundizzjonijiet ta’ mard terminali.
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg, waqt li uriet empatija ma’ dawn il-persuni, qalet li din il-konsultazzjoni pubblika li tagħlaq fit-2 ta’ Lulju mhix ser tieqaf ma’ din is-sessjoni fil-komunità għaliex il-gvern ser ikompli jisma’ u jiddjaloga kemm dwar l-ewtanażja volontarja assistita kif ukoll dwar l-introduzzjoni tat-testment mediku li bih kull persuna f’saħħitha tkun tista’ tagħti direttivi mediċi dwar x’kura tixtieq jew ma tixtieqx għal diversi kundizzjonijiet ta’ saħħa li jista’ jkollha.
Is-segretarju parlamentari qalet li dan il-proċess ta’ konsultazzjoni wera l-ħtieġa għal din id-diskussjoni nazzjonali u esprimiet sodisfazzjon li din ma ġietx ippolitiċizzata għaliex il-mard terminali ma jarax kuluri. Hija qalet li wara kważi ħames ġimghat li matulhom intbagħtu uffiċjalment aktar minn 450 sottomissjoni saru ħafna argumenti validi li ser ikunu analizzati u evalwati.