Saturday, December 21, 2024

Rakomandazzjonijiet għall-Black Friday

Aqra wkoll

Il-ġurnata magħrufa magħna l-konsumaturi bħala l-Black Friday qegħda magħna! Id-data ta’ din is-sena hija l-Ġimgħa 24 ta’ Novembru, il-ġurnata li fiha kemm ħwienet kif ukoll dawk il-bejjiegħa onlajn joffru roħs vantaġġuż lil eluf ta’ konsumaturi, anke fid-dawl tal-fatt li l-Milied ikun qiegħed joqrob. Madankollu, wara dawn il-promozzjonijiet kollha, irrid noqgħodu ħafna iktar attenti  għaliex jista’ jkun hemm riskji ta’ offerti mhux reali magħrufa bħala scams. Għal din ir-raġuni, din is-sena wkoll, nirrakkomandaw li toqgħodu aktar attenti meta tkunu ser takwistaw xi offerta onlajn. 

Nistgħu niltaqgħu ma diversi forom ta’ scams bħal riklami fuq il-midja soċjali, websites foloz, paġni foloz ta’ ħlas elettroniku, kollha mmirati biex jieħdu flusna bħala konsumaturi u wara ftit żmien jitilqu mingħajr ma jħallu traċċa.

Lejn l-aħħar tas-sena 2022 Malta addottat id-Direttiva numru 2019/2161 magħrufa ukoll bħala ‘Omnibus’ ghaliex għamlet emendi fuq erba’ direttivi li jolqtu l-konsumatur b’mod dirett. Din id-Direttiva saħħet il-protezzjoni tal-konsumaturi meta jkunu qed jixtru onlajn. Obligu importanti li daħal permezz ta’ din id-Direttiva huwa li l-bejjiegħ f’każ li jkun ser jagħmel skont fuq xi prodotti, bħal ma jiġri fi żmien il-Black Friday, il-prezz oriġinali irid ikun bħal ma kien 30 ġurnata qabel. Mela jekk inti bħala konsumatur ser tixtri oġġett u dan qiegħed għall-bejgħ bi prezz speċjali, il-bejjiegħ irid jurik il-prezz oriġinali kif kien 30 ġurnata qabel mal-prezz ġie imnaqqas. Hekk inti verament tkun taf jekk l-offerta hiex waħda vantaġġuża għalik. 

Rakkomandazzjonijiet meta tkun ser tixtri onlajn:

L-ewwel net huwa importanti li tiċċekja l-informazzjoni kollha disponibbli dwar il-bejjiegħ qabel ma tikkonkludi x-xiri tiegħek. Iċċekkja li għandek l-isem u d-dettalji kollha tal-bejjiegħ bħal fejn hu bbażat, kif ukoll l-indirizz postali biex tkun tista’ tikkuntattjah f’każ ta’ problema. Żomm f’moħħok li ħafna mid-drittijiet tiegħek jiddependu skont jekk il-bejjiegħ ikunx reġistrat f’wieħed mill-pajjizi tal-Unjoni Ewropea (UE) jew le. Jista’ jagħti l-każ li ċertu siti elettroniċi jkunu jidhru li huma f’wieħed mill-pajjizi tal–UE, pero’ meta wieħed jifli sew is-sit jinduna li l-bejjiegħ ikun ibbazat f’xi pajjiż barra mill-Ewropa.  

Jekk ser tixtri mingħand bejjiegħ onlajn għall-ewwel darba, fittex fuq l-internet kummenti bl-esperjenzi ta’ konsumaturi oħra li jkunu diġa akwistaw xi prodott jew servizz mingħand il-bejjiegħ. Wieħed xorta għandu joqgħod attent, għaliex dawn l-esperjenzi li jkun ħallew konsumaturi xi kultant jistgħu jkunu mhux ġenwini u l-ħsieb tagħhom ikun li jqarrqu bil-konsumatur. Għalhekk bħala Ċentru aħna dejjem nissuġġerixxu li apparti li taraw l-esperjenzi ta’ konsumaturi oħra, għandkom ukoll taqraw sew it-termini u kundizzjonijiet marbuta max-xiri, speċjalment dawk it-termini relatati mal-kanċellament kif ukoll dawk relatati mal-kunsinna. Importanti li meta tkun sodisfatt mill-informazzjoni pprovduta mill-bejjiegħ qabel ma tiddeċiedi li tixtri onlajn, żomm kopja tal-proċess kollu sakemm isir il-ħlas, kif ukoll il-konferma tal-ordni u xi korrispondenza li jista’ jkollok mal-bejjiegħ.  

Importanti li tagħżel dawk il-bejjiegħa onlajn li joffru metodu sikuri ta’ ħlas bħal karta ta’ kreditu jew inkella sistemi ta’ ħlas onlajn. Evita dawk il-bejjiegħa onlajn li jkunu jaċċettaw biss ħlasijiet fejn ikun diffiċli ħafna li tingħata flusek lura f’każ ta’ problema mal-bejjiegħ. Wieħed mill-aktar metodi wzati huwa meta tintalab tħallas permezz ta’ trasferiment bankarju.  

Meta tkun qed tagħmel pagament, iddaħħalx id-dettalji bankarji tiegħek jekk l-indirizz tas-sit ma jibdix bl-ittri HTTPS:// kif ukoll jekk is-simbolu tal-katnazz ma jkunx jidher fuq il-websajt tal-bejjiegħ. Dawn huma indikazzjonijiet li d-dettalji bankarji tiegħek huma protetti minn serq mingħand terzi persuni waqt li tkun qed tiġi ffinalizzata t-transazzjoni. Madanakollu dan ma jfissirx li għax l-websajt hija waħda sikura, nistgħu naqbdu u nixtru mingħajr ma niċċekjaw ukoll kull informazzjoni disponibbli dwar il-bejjiegħ onlajn, speċjalment jekk il-valur tal-prodott jew servizz huwa wieħed sostanzjali.  

X’inhuma d-drittijiet tal-konsumatur meta jixtri onlajn minn pajjiz fl-UE? 

Minħabba li meta nixtru onlajn ma nkunux f’pożizzjoni li naraw jew immissu l-oġġett, il-liġi tagħtina d-dritt li nirritornaw l-oġġett lura mingħajr il-bżonn ta’ spjegazzjoni. Dan id-dritt huwa magħruf bħala d-dritt ta’ rtirar fejn aħna bħala konsumaturi nistgħu nirritornaw l-oġġett fi żmien 14-il ġurnata minn meta nkunu rċivejnieh.

Il-prodotti kollha mibjugħin lill-konsumaturi għandhom ikunu konformi mad-deskrizzjoni tal-prodott, ikunu tajbin għall-użu speċifiku tagħhom, kif ukoll li jagħtu l-istess prestazzjoni, meta mqabbla ma prodotti simili. F’każ li l-prodott mixtri ma jkunux konformi ma dawn l-ispeċifikazzjonijiet, il-konsumatur jista’ jitlob rimedju mingħand il-bejjiegħ. F’każ li l-prodott ma jkunx qed jaħdem, l-ewwel obbligu li għandu l-bejjiegħ huwa li jsewwi jew li jibdel il-prodott. Jekk dawn iż-żewġ rimedji ma jkunux jistgħu jingħataw jew inkella jkun se jikkawżaw inkonvenjent sinifikanti, f’dan il-każ wieħed għandu d-dritt jitlob il-flus lura. 

Għar-raġunijiet imsemija hawn, f’każ li trid tirritorna l-prodott, it-termini u kundizzjonijiet jiddettaw min irid iħallas għall-kunsinna. Għalhekk huwa importanti ħafna li qabel ma nixtru naqraw tajjeb it-termini u kundizzjonijiet. F’każ li l-prodott ma jasalx sa 30 ġurnata minn meta tkun saret l-ordni bħala konsumatur għandek dritt li tikkanċella l-ordni u titlob flusek lura. 

Bħal kull ħaġa oħra jista’ jkun li jkun hemm xi lment mal-bejjiegħ li jibqa’ ma jissolviex. F’dak il-każ u jekk l-oġġett ikun inxtara mingħand bejjiegħ fl-UE tistgħu tagħmlu kuntatt magħna  billi tibgħatulna imejl fuq [email protected], iċċemplulna fuq +356 21221901 jew billi żżuruna personalment f’47A, Triq Nofsinhar, il-Belt Valletta.  Għal aktar informazzjoni żur is-sit taċ-Ċentru Ewropew għall-Konsumatur ta’ Malta fuq https://www.eccnetmalta.gov.mt .

Ekonomija

Sport