Il-manager temporanju ta’ Manchester United, Ralf Rangnick, jinsab frustrat bir-rifjut tal-club li jappoġġjah b’akkwisti ġodda matul it-tieqa tat-trasferimenti matul dan ix-xahar
Rangnick se jmexxi t-team għall-bqija tal-istaġun 2021-22 qabel jieħu rwol ta’ konsulenza f’Old Trafford, fejn huwa mistenni li jkollu sehem dwar l-akkwisti ta’ players.
Madankollu, il-Ġermaniż qal li mhux se jkun hemm wasliet ġodda matul it-tieqa ta’ Jannar minkejja li għamel numru ta’ rakkomandazzjonijiet.
Il-manager ta’ 63 sena kien f’kuntatt ma’ RB Leipzig biex jiddiskuti ftehim għal Amadou Haidara, iżda Man United mhux qed jippjanaw offerta għall-midfielder ta’ 23 sena.
Hu maħsub ukoll li Rangnick identifika difensur lemini ġdid bħala prijorità, b’Tariq Lamptey ta’ Brighton & Hove Albion maħsub li jkun mira għar-Red Devils.
Id-draw ta’ 2-2 tas-Sibt kontra Aston Villa, li ra lil Man United jarmu vantaġġ ta’ żewġ goals fit-tieni taqsima, ħalla lill-club fis-seba’ post fil-klassifika tal-Premier League, ħames punti taħt West Ham United li jinsabu fir-raba’ post.