Wednesday, December 25, 2024

Ralf Rangnick jixteħ it-tort fuq Ole Gunnar Solskjaer?

Aqra wkoll

Ralf Rangnick jgħid li l-eks manager Ole Gunnar Solskjaer se jkollu jerfa’ ftit mit-tort jekk Manchester United ifallu post mal-ewwel erbgħa dan l-istaġun.

Il-United qed jitfixklu f’saqajhom fit-taqtiegħa għall- football fiċ-Champions League wara draws konsekuttivi ma’ Burnley u Southampton.

Rangnick jammetti li jinsab “imħasseb” dwar il-prospetti tagħhom li jispiċċaw mal-ewwel erbgħa iżda jinsisti li Solskjaer, tkeċċa f’Novembru wara sensiela ta’ ħames telfiet f’seba’ partiti tal-kampjonat, huwa wkoll responsabbli.

“Dan li ma nispiċċawx fl-ewwel erbgħa dejjem kien ta’ tħassib minn meta Ole ħalla l-club,” qal Rangnick.

“Din kienet waħda mir-raġunijiet għaliex probabbilment kellu jħalli l-club u ovvjament riżultati bħal ta’ Southampton ma jagħmlux l-affarijiet aktar faċli.

“Dan huwa dak li rridu niffaċċjaw. Irridu nirrealizzaw il-verità u ovvjament b’riżultati bħal dawn ma tagħmilhiex aktar faċli li fl-aħħar nispiċċaw ir-raba’.”

Kontra Southampton f’Old Trafford, il-United kienu maqbuda lura wara li llidjaw għat-tielet logħba konsekuttiva wara wirjiet simili kontra Middlesbrough u Burnley. Huma anke remew vantaġġ ta’ żewġ goals kontra Aston Villa f’Jannar, u eventwalment ġew draw 2-2.

Rangnick kien partikolarment kritiku tal-wirja tat-tieni taqsima tat-team tiegħu kontra Burnley u Southampton u ta x’jifhem li qed jitħabat biex jirranġa l-kwistjonijiet kol­lha wara li f’nofs l-istaġun ġie mdaħħal fl-irwol b’”para­xut”.

“Biex inkun onest ma nafx jekk aħniex fiżikament taj­bin biżżejjed biex nilagħbu hekk għax kif għidt jien ġejt f’nofs l-istaġun,” qal il-manager ta’ 63 sena.

“Ma kellna l-ebda pre-season u essenzjalment kel­lna ġimgħatejn b’kollox fejn stajna nitħarrġu b’mod normali.”

“Mhux dejjem ħadna d-deċiżjonijiet it-tajba,” huwa qal. “Mhux dejjem konna komposti u ma konniex strutturati biżżejjed fil-mod kif lgħabna fl-ewwel taqsima meta mqabbla mal-mod kif lgħabna fl-aħħar nofs siegħa, konna xi ftit erratiċi f’dawk il-mumenti.

“Nixtieq li nibqgħu ftit aktar kalmi. Kellna ċ-ċansijiet. Ma naħsibx li hija kwistjoni ta’ fiżika fir-rigward tal-fitness iżda iva jista’ jkun. Kif għedt il-players li għandna huma players tekniċi, huma jħobbu jilagħbu football tekniku, iżda fil-Premier League rrispettivament kontra liema team, ma tistax tirbaħ il-logħob b’mod tekniku biss. Trid turi wkoll xi ftit ta’ fiżika.”

Ekonomija

Sport