Friday, November 22, 2024

RALLY OĦRA MILL-BDIEWA U R-RAĦĦALA L-ĦAMIS

Se jipproponu lill-gvern kif jista’ jgħinhom jikkompetu b’mod ġust f’suq ħieles

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Id-deċiżjoni tal-Qorti li proteġiet l-interess ta’ koppja bdiewa ġenwini hija inkoraġġanti. Kif qalu tajjeb il-koppja li jaħdmu r-raba’ f’Burmarrad ma jaffordjawx li togħlielhom l-kirja għax xogħolhom ma jibqax fattibbli minħabba qligħ baxx”. Hekk beda biex jgħid f’intervista ma’ talk.mt il-President tal-Għaqda Bdiewa Attivi Malcolm Borg.

Huwa kompla biex jgħidilna li l-bdiewa jinsabu sodisfatti li quddiem waħda mit-talbiet tagħhom fil-protesta li saret minnhom wara aktar minn 40 sena wasslet biex ittieħdet azzjoni mill-awtoritajiet. Waqt il-protesta li għaliha attendew mijiet ta’ bdiewa bl-inġenji tagħhom minn Ta’ Qali sal-Furjana, uħud mill-bdiewa qasmu t-tħassib tagħhom mal-Prim Ministru Robert Abela li niżel biex jisma’ l-karbiet tagħhom. Waħda minn dawn kienet li l-bidwi Malti ma jistax jiġi żvantaġġjat mill-awtoritajiet Maltin stess b’testijiet massimi fuq il-produzzjoni lokali u laxkezza fuq prodotti impurtati minn pajjiżi terzi li fihom fost affarijiet oħra l-bexx mhuwiex projbit.

“Irridu nassiguraw li dak li jkun qiegħed jidħol ma jkunx ta’ theddida għall-produzzjoni tagħna, b’mod speċjali għas-saħħa tan-nies tagħna. L-awtoritajiet għandhom ikunu għajnejhom miftuħin beraħ biex jaraw x’inhu dieħel. Irridu nissikkaw mhux billi noħolqu fruntiera għall-kummerċ imma biex fejn jidħlu prodotti impurtati nużaw l-istess riga li nużaw mal-bdiewa Maltin u Għawdxin. Jekk il-larinġ mhux sippost jidħol bil-weraq minħabba biża’ ta’ ċertu riskji, mela rridu nassiguraw li dak li jiġi f’dan l-istat mhux biss jitwaqqaf, iżda jinħarġu multi u l-prodott jintbagħat lura fil-pajjiż li jkun ġej minnu”, kompla biex jispjega Borg.

Il-President tal-għaqda żied jelabora li jekk il-Marokk qiegħed jesporta prodotti b’bexx li f’pajjiżna u fil-bqija tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea huwa illegali, allura l-bdiewa tagħna qegħdin jiġu żvantaġġati. Sostna li l-bdiewa m’għandhom l-ebda problema bis-suq ħieles, iżda qegħdin jitolbu lill-awtoritajiet Maltin jassiguraw li jikkontrollaw kemm jifilħu li ma jkunx hemm fdalijiet ta’ dan il-bexx li fl-aħħar mill-aħħar hu theddida għas-saħħa tal-konsumatur li jikkonsma minnu. Hawnhekk innota li fil-produzzjoni fejn il-bexx mhuwiex projbit, min qiegħed jipproduċi se jkollu lok fejn ibaxxi l-prezzijiet għax se jsib ħafna inqas x’jikkuntrarjah fil-produzzjoni tiegħu u b’hekk meta l-prodott tiegħu jasal fuq l-ixkaffa u jitpoġġa biex jiġi kkumparat mal-prodott lokali se ssib min jara biss it-tikketta tal-prezz u b’hekk l-ixkaffa tal-prodott impurtat titbattal qabel.

“Jeħtieġ li nissikkaw sew fejn jidħol ittestjar biex nassiguraw li l-kompetituri tagħna jkollhom verament prodotti ġenwini u mingħajr traċċi ta’ perikli bħalma huwa bexx li jista’ jikkawża ħsara lill-konsumatur”, kompla Borg filwaqt li żvela magħna dwar ir-rally li se tkun qiegħda terġa’ tittella’ mill-bdiewa u r-raħħala li għat-tieni darba fi ftit jiem se jinżlu fit-toroq biex iwasslu l-messaġġ tagħhom.

Borġ iċċara li din mhix se tkun protesta kontra l-gvern iżda hija rally bi proposti ta’ kif il-bdiewa u r-raħħala jixtiequ lill-gvern jgħinhom fis-sitwazzjoni li tpoġġew fiha minħabba regolamenti u pjanijiet Ewropej.

“Il-bdiewa u r-raħħala jinsabu f’kantuniera li diffiċli joħorġu minnha minħabba spejjeż li dejjem qegħdin jiżdiedu u l-prezz baxx tal-prodott tagħhom biex jikkompetu mal-importazzjoni ta’ prodotti – li meta kkumparat magħhom dawk ta’ pajjiżna jistgħu jkunu żvantaġġjati – qed jitolbu li titranġa s-sitwazzjoni b’azzjoni mill-gvern ukoll”, qalilna Borg.

Huwa saħaq li l-ħsieb ta’ din ir-rally huwa primarjament li l-bdiewa u r-raħala jkunu jistgħu jippreżentaw it-talbiet tagħhom lill-gvern biex dan ikun jista’ jservi ta’ vuċi għalihom waqt diskussjonijiet fuq livell Ewropew.

“M’aħna bl-ebda mod ngħidu li ma sibniex spalla mill-gvern, imma mill-ewwel darba li l-bdiewa tkellmu jidher ċar li hemm ħafna x’nistgħu ntejbu u b’mod paċifiku u li kemm jista’ jkun ma jaffettwax lill-bqija taċ-ċittadini iva se nerġgħu nuru li l-bdiewa u r-raħħala jinsabu magħqudin u jridu jagħmluha ċara li l-ħobża tagħhom hija mhedda jekk jibqgħu jiġu żvantaġġati fil-produzzjoni tagħhom”, temm jgħidilna Borg.

Il-bdiewa u r-raħħala se jitilqu minn Ta’ Qali għall-ħabta ta’ 11:45 a.m u mistennija jaslu l-Furjana għall-ħabta tas-2:30 p.m.

Sport