“Aktar kmieni llum infurmajt lill-PM u Mexxej Robert Abela bl-intenzjoni tiegħi li fil-ġimgħat li ġejjin inħalli warajja r-rwol ta’ Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, issa li servejt total ta’ ħames snin f’dan l-irwol”
Ħabbar dan Randolph Debattista f’messaġġ fuq il-midja soċjali, fejn spjega li matul dawn il-ħames snin, xogħolu bħala Kap Eżekuttiv kien li jesieġi l-għaqal fit-tħaddim tal-finanzi u l-proprjetajiet tal-Partit. Irrimarka li dawn kienu ħames snin li matulhom ttieħdu deċiżjonijiet importanti u bla preċedent fuq is-sostenibilità finanzjarja tal-Partit.
Saħaq li se jibqa’ jiddedika l-ħin għal tranżizzjoni smooth fl-aħjar interess tal-Partit. Irringrazzja minn qalbu lil dawk l-individwi li mess magħhom tul dawn il-ħames snin.
Qal ukolll; “Il-Mexxej u l-Amministrazzjoni, u b’mod partikolari l-ħaddiema u l-voluntiera tal-Partit u tal-kumpaniji sussidjarji li jaħdmu b’lealtà u dedikazzjoni kbira għall-ġid ta’ dak li twaqqaf għalih il-Partit Laburista”.
Tenna li se jħares ‘il quddiem u li se jkompli jaħdem aktar favur id-drittijiet tal-bniedem, favur iż-żgħir u dawk l-aktar vulnerabbli. Dik dejjem kienet is-sejħa tiegħi, u dawk huma l-prinċipji li dejjem enfasizzajt fl-istrutturi tal-Partit.