Raphael Varane skorja l-uniku goal tal-logħba 14-il minuta mit-tmiem hekk kif Manchester United kisbu rebħa kemmxejn fortunata kontra Wolves fil-logħba tal-ftuħ tal-istaġun il-ġdid tal-Premier League.
It-team immexxi mill-manager, Erik ten Hag, ftit li xejn ħoloq ċans ta’ nota sakemm Bruno Fernandes sab lil Aaron Wan-Bissaka b’pass mill-isbaħ ġewwa ż-żona.
Id-difensur lemini bil-kalma għolla l-ballun lejn tarf il-kaxxa ż-żgħira fejn kien hemm Varane li għola aktar minn Nelson Semedo u bir-ras xeħet il-ballun fix-xibka. .
Fil-veritá kienet estremament ħarxa fuq Wolves, li ftit tal-jiem ilu ħatru lill-coach Gary O’Neil wara li Julen Lopetegui ddeċieda li jirreżenja mill-kariga. Huwa pproduċew wirja mill-aqwa u ma kienx jistħoqqilhom li joħorġu minn Old Trafford b’idejhom vojta.
Aktar minn hekk, O’Neil ġie ammonit għall-protesti tiegħu meta fil-ħin miżjud Wolves ġew imċaħħda minn dak li deher penalty ċar.
Għal din id-deċiżjoni kontroversjali kemm ir-referee kif ukoll il-VAR ġew ikkritikati bil-qawwa kollha wara li l-goalkeeper debuttant tal-United, Andre Onana, evita l-kastig fil-ħin miżjud meta kkommetta foul fuq Sasa Kalajdzic meta daħal għal cross mingħajr ma għamel kuntatt mal-ballun.