Minn Claudio Coleiro
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kkonferma ma’ dan il-ġurnal li mill-ġimgħa d-dieħla se tibda tintuża s-sistema ta’ rapid testing għall-Covid-19 f’Għawdex.
Fil-kummenti tiegħu, Fearne qal li: “komplejna nżidu ċ-ċentri ta’ swabbing f’pajjiżna. Diġà kellna sitt ċentri u żidna ieħor f’Boffa għar-rapid testing. Apparti hekk, qegħdin fil-proċess li niftħu rapid testing fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.”
Huwa żied jgħid ukoll li f’dawn l-aħħar jiem beda jsir ukoll rapid testing fl-ajruport biex il-passiġġieri kollha ġejjin mill-pajjiżi ‘amber’ u ma jkollhomx ċertifikat li juri li kienu negattivi fl-aħħar 72 siegħa isirilhom rapid test mal-wasla tagħhom f’pajjiżna.
Intant, mistoqsi jinkwetahx il-fatt li l-ammont ta’ mwiet minħabba l-Covid-19 issa qabżu l-100, huwa qal li: “jinkwetani kull każ li jkollna, kull każ li jkollu bżonn jidħol l-Isptar u kull każ li jmut. Kull każ jinkwetanti u rrid insellem lill-istaff kollu li jagħmlu ħilithom kollha biex insalvawh. Kull mewt tkun daqqa kbira għall-familjari imma anke għall-istaff tagħna.”
Biż-żewġ każi ta’ mwiet li tħabbru t-Tlieta mill-awtoritajiet tas-saħħa telgħu għal 103 il-vittmi tal-pandemija f’pajjiżna. Dawn l-aħħar każi kienu anzjan ta’ 83 sena u anzjana ta’ 70 sena li t-tnejn li huma mietu fl-Isptar Mater Dei.