Tuesday, December 24, 2024

Rapport fuq verifika ta’ prestazzjoni: Procuring the Public Transportation Service

Aqra wkoll

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara ppreżenta lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia r-rapport imsemmi hawn fuq. Dan l-istudju sar biex jevalwa x-xiri tas-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta u f’Għawdex biex b’hekk jara jekk il-ftehim li sussegwentament ġie milħuq huwiex konformi mal-prinċipji tat-trasparenza u ta’ governanza tajba.

F’Jannar tal-2014, il-gvern laħaq ftehim mal-operatur tas-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta u f’Għawdex sabiex dan jieqaf jopera l-Concession Agreement relatat, u sabiex il-gvern jakkwista 100% tal-ishma tal-kumpanija li kienet qiegħda topera l-istess servizz (Arriva Malta Ltd.). Fl-istess xahar li fih intlaħaq dan il-ftehim, Transport Malta (TM) ħarġet Expression Of Interest (EOI) li bih għamlet sejħa għal offerti mingħand terzi biex jakkwistaw il-kumpanija li kienet qiegħda topera s-servizz (fis-sħiħ jew parti minnha), kif ukoll għall-akkwist tad-drittijiet esklussivi biex joperaw is-servizz tat-trasport pubbliku f’Malta u f’Għawdex. Fit-8 ta’ Jannar 2015 ġie ffirmat kuntratt bejn Transport Malta u l-operatur il-ġdid, b’dan il-ftehim ikopri l-għoti ta’ dan is-servizz sas-7 ta’ Jannar 2030. Huwa stmat li dan il-kuntratt ta’ 15-il sena ser jiswa lill-gvern aktar minn €430 miljun.

F’din il-verifika l-NAO nnota kif dan il-proċess ta’ xiri kien imwettaq b’sens ta’ urġenza li ġġenera riskji ovvji u evitabbli f’settur li għandu materjalità sinjifikanti kemm finanzjarja kif ukoll soċjali. Filwaqt li dan l-uffiċċju jagħraf pożittivament li l-gvern kellu direzzjoni deċiża mill-bidu (dik li jiffavorixxi offerti biex tinxtara l-kumpanija operatriċi bis-sħiħ bl-assi u bl-obbligazzjonijiet kollha), dan ir-rapport wera kif il-mekkaniżmu stipulat fl-EOI ma kienx jikkwantifika b’kemm din il-preferenza ser tkun iffavorita, iżda stipula li din il-preferenza ser tkun iffavorita b’mod assolut.

Din il-verifika wriet ukoll li l-offerenti prospettivi kienu preżentati b’financial statements li kienu għadhom iridu jiġu verifikati u li dawn ġew mogħtija meta kien diġà għadda nofs iż-żmien stipulat fl-EOI li fih l-offerenti setgħu jitfgħu l-offerta tagħhom. Meta jiġi kkunsidrat li TM irrifjutat it-talbiet ta’ diversi offerenti sabiex jiġi estiż id-deadline għall-offerti, dan ifisser li l-ħin allokat lill-offerenti sabiex jifformalizzaw l-offerta finanzjarja tagħhom kien imnaqqas drastikament. Dan l-uffiċċju wera tħassib ukoll fin-nuqqas ta’ ċarezza li wera l-gvern meta ġie biex jispjega kif ser jittratta ċerti line items imniżżla fil-kontijiet tal-kumpanija operatriċi, liema line items setgħu jħallu impatt sinifikanti fuq il-kapital tal-istess kumpanija. Dawn in-nuqqasijiet setgħu jħallu impatt negattiv fuq kemm dan l-akkwist kien jidher attraenti u possibilment xekklu offerti oħrajn (potenzjalment aktar vantaġġużi għall-gvern) milli jaslu għand l-Awtorità.

Dokumenti li vverifika dan l-uffiċċju jindikaw li l-fażi tan-negozjati mal-offerent preferit, inbdiet qabel ma l-Awtorità kkonfermat uffiċjalment din l-għażla. Għalkemm l-NAO jagħraf li dan l-offerent kien l-uniku wieħed li ssottometta offerta tat-tip li kien dikjarat bħala l-favorit fl-EOI, dan l-uffiċċju xorta jħoss li r-rikjesta kwotata fl-istess EOI li n-negozjati għandhom jibdew wara l-għażla tal-offerta preferita, kellha tkun segwita.

Filwaqt li jirrikonoxxi li r-rapport tal-evalwazzjoni flimkien mad-dokumenti anċillari mibgħuta lilu jkopru l-proċess li qiegħed jiġi evalwat b’mod ġenerali, l-NAO xorta huwa mħasseb dwar il-lakuni fl-evidenza dokumentata mibgħuta mill-Awtorità dwar din l-istess evalwazzjoni. Fost oħrajn, l-Uffiċċju nnota li prattikament ma kienet provduta ebda dokumentazzjoni li tittratta n-negozjati li seħħew waqt dan il-proċess ta’ xiri. Għalkemm dan l-uffiċċju ma jistax jiddeduċi li kien hemm effetti negattivi minn dan in-nuqqas, l-NAO xorta jinsab imħasseb għax ma setax jaċċerta jekk dawn in-negozjati kinux imwettqa skont il-prinċipji ta’ governanza tajba u jekk il-gvern setax jassigura riżultat aktar favorevoli minn dan il-proċess.

Il-punti msemmija hawn fuq u oħrajn huma ppreżentati b’mod komprensiv f’dan ir-rapport, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet ta’ dan l-uffiċċju. Ir-rapport sħiħ jidher fis-sit elettroniku tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika http://www.nao.gov.mt, kif ukoll fuq il-paġna tal-Facebook www.facebook.com/NAOMalta.

Ekonomija

Sport