Rapport li tħejja minn Amnesty International jallega li l-gwerra li Iżrael qed tagħmel kontra l-Ħamas fil-Medda ta’ Gaża tikkostitwixxi delitt ta’ ġenoċidju taħt il-liġi internazzjonali. Ir-rapport ta’ 296 paġna li eżamina l-avvenimenti f’Gaża bejn Ottubru 2023 sa Lulju 2024, ġie ppubblikat nhar il-Ħamis, u fiħ jingħad li l-Iżrael “b’mod sfaċċat, kontinwu u b’impunità totali ħoloq infern” fuq il-popolazzjoni ta’ 2.3 miljuni fl-istrixxa ta’ Gaza.
Iżrael “ikkommetta” atti pprojbiti taħt il-Konvenzjoni dwar il-Ġenoċidju, jiġifieri qtil, li kkawża ħsara serja fiżika jew mentali u deliberatament ikkawża lill-Palestinjani f’Gaża kundizzjonijiet tal-ħajja biex iġibu l-qerda fiżika tagħhom bl-intenzjoni speċifika li jeqirdu l-poplu Palestinjan.
Dan ir-rapport li jimmarka l-ewwel darba li Amnesty allegat id-delitt ta’ ġenoċidju waqt kunflitt li għaddej, ikompli jibni fuq rapport ta’ Marzu li għadda mir-rapporteur speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Palestina li kkonkluda li hemm raġunijiet biżżejjed biex wieħed jemmen li Iżrael qed iwettaq ġenoċidju kontra l-Palestinjani.
Amnesty semmiet l-ostakli intenzjonati tal-għajnuna u l-provvisti tal-enerġija flimkien ma’ ħsara kbira, qerda u spostament ta’ nies li wasslu għall-kollass tas-sistemi tal-ilma, is-sanità, l-ikel u s-sistemi tal-kura tas-saħħa, u l-imblokk ta’ Gaża.
Fost l-allegazzjonijiet ewlenin kontra Iżrael hemm l-iskala u l-kobor bla preċedent tal-offensivi militari, li kkawżaw mewt u qerda b’veloċità u livell li qatt ma saru bħalhom fi kwalunkwe kunflitt ieħor tas-seklu 21.
Infliġġa kundizzjonijiet tal-ħajja kkalkulati biex iġibu qerda fiżika, bħall-qerda tal-infrastruttura medika, l-ostakolar tal-għajnuna, u l-ordnijiet ripetuti ta’ evakwazzjoni arbitrarji għal 90% tal-popolazzjoni.
Bħala qawwa okkupanti, Iżrael huwa legalment obbligat li jipprovdi għall-bżonnijiet tal-popolazzjoni okkupata, qalet Kristine Beckerle, konsulent tat-tim tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta’ Fuq ta’ Amnesty International.
Mill-inqas 47 persuna inklużi erba’ titfal inqatlu f’attakki mill-ajru madwar Gaża nhar it-Tlieta, skont l-uffiċjali tas-saħħa fit-territorju, inklużi mill-inqas 21 li kienu qed jistkennu f’kamp ta’ tined li jospitaw nies spostati qrib il-belt ta’ Khan Younis.
Wara l-publikazzjoni tar-rapport, Amnesty International, organizazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem, talbet lin-Nazzjonijiet Uniti biex tinforza waqfien mill-ġlied, timponi sanzjonijiet immirati fuq uffiċjali Iżraeljani u l-ogħla uffiċjali tal-Ħamas, u biex gvernijiet tal-Punent bħall-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Ġermanja ma jibqgħux jipprovdu assistenza ta’ sigurtà u jbigħu l-armi lill-Iżrael.
L-Organżazzjoni ħeġġet ukoll lill-qorti kriminali internazzjonali, li x-xahar li għadda ħarġet mandati ta’ arrest għall-prim ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu u l-eks ministru tad-difiża Yoav Gallant, biex iżidu l-ġenoċidju mal-lista ta’ delitti tal-gwerra li qed jinvestiga.
Fl-aħħar nett, talbet għall-ħelsien bla kundizzjonijiet ta’ ostaġġi ċivili u biex il-Ħamas u gruppi armati Palestinjani oħra responsabbli għar-reati mwettqa fis-7 ta’ Ottubru jinżammu responsabbli.
Amnesty International tammetti li l-identifikazzjoni tal-ġenoċidju f’kunflitt armat hija kumplessa u ta’ sfida, minħabba l-għanijiet multipli li jistgħu jeżistu fl-istess ħin. Madankollu, huwa kritiku li l-ġenoċidju jiġi rikonoxxut bħala li jeżisti, u li gwerra qatt ma tista’ tiġi skużata jew ġustifikata.
Fl-2022, Amnesty ingħaqdet ma’ Human Rights Watch u mal-NGO Iżraeljana rispettata B’Tselem fil-ħruġ ta’ rapport ewlieni li akkuża lill-Iżrael bl-apartheid. Il-politiċi Iżraeljani talbu biex ir-rapport ta’ Amnesty jiġi rtirat u allegaw antisemitiżmu.