Kwart tan-nies li għandhom 65 sena jew aktar huma f’riskju ta’ faqar. Dan jirriżulta minn rapport tal-EU-SILC.
L-Istatistika Ewropea dwar id-Dħul u l-Kwalità tal-Ħajja (EU-SILC) huwa stħarriġ li jitwettaq mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fost persuni li jgħixu f’residenzi privati f’Malta u Għawdex.
L-għan ewlieni tal-istħarriġ huwa li ssir kumpilazzjoni ta’ statistika dwar id-distribuzzjoni tad-dħul, il-faqar, l-esklużjoni soċjali u kemm persuna tkun imċaħħda minn affarijiet materjali.
Skont ir-rapport fl-2019 dawk f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali kienet stmata għal 20.1% tal-popolazzjoni li tgħix f’residenza privata. Dan jammonta għal 97,183 persuna.
Ir-rapport jindika li l-aktar f’riskju ta’ faqar huma anzjani minn 65 sena ’l fuq, b’27.7% tat-total kumplessiv. Dan ifisser żieda mill-21.3% reġistrati fl-2015.