Il-biċċa l-kbira tal-4.9 miljun tifel u tifla li mietu fis-sena 2024 setgħu jiġu salvati, skont rapport ġdid tan-Nazzjonijiet Uniti li jwissi wkoll li tnaqqis fl-għajnuna umanitarja jista’ jkompli jfixkel l-għan globali li jintemmu l-imwiet tat-tfal minn kawżi li jistgħu jiġu evitati.
Ir-rapport jiżvela wkoll li l-progress li kien inkiseb biex ma jkun hemm aktar imwiet prevenibbli tat-tfal taħt il-ħames snin sal-2030 naqas b’60% mill-2015, u wassal biex l-esperti tan-Nazzjonijiet Uniti jappellaw għal investiment sostnut fis-sistemi tas-saħħa biex tintlaħaq il-mira.
L-ebda tifel u tifla m’għandhom imutu minn mard li jista jiġi evitat. Iżda hemm sinjali inkwetanti li l-progress fis-sopravivenza tat-tfal qed jonqos fi żmien fejn qed jinħass aktar tnaqqis fil-baġit globali, qalet id-direttur eżekuttiv tal-Unicef Catherine Russell.
L-Afrika Sub-Saħarjana u l-Asja t’Isfel persistentement kellhom l-agħar rati ta’ mwiet tat-tfal, fil-parti l-kbira minħabba l-imwiet tat-trabi tat-twelid, li kienu kważi nofs in-numru totali ta’ tfal li mietu taħt il-ħames snin.
L-aktar kawżi komuni kienu t-twelidijiet prematuri, il-pnewmonja u t-trawma li jsofru it-tfal waqt it-twelid. Il-mard li jittieħed kien ukoll kawża ewlenija, bil-malarja twassal għal 17% tal-imwiet ta’ tfal wara li kien ilhom ħajjin ftit aktar mill-ewwel xahar ta’ ħajjithom.
Ir-rapport sab li 100,000 tifel u tifla mietu direttament minn malnutrizzjoni akuta severa bl-ogħla numri jkunu fil-Pakistan, is-Somalja u s-Sudan. Jgħid ukoll li l-malnutrizzjoni severa kienet ukoll il-kawża sottostanti għal ħafna tfal li mietu minn kundizzjonijiet oħra.
Ħaddiema fil-qasam umanitarju ilhom jinsistu li dawn il-kawżi kollha tal-mewt jistgħu jiġu evitati b’investiment aħjar fis-sistemi tas-saħħa u t-tilqim, iżda minflok, it-tnaqqis fl-għajnuna qed jhedded li jingħalqu faċilitajiet li jsalvaw il-ħajjiet.
Skont il-monitoraġġ tat-tnaqqis fl-għajnuna mill-Global Health Cluster, 6,600 faċilità tas-saħħa ġew affettwati mit-tnaqqis fl-għajnuna tas-sena l-oħra, b’terz minnhom imġiegħla jagħlqu.
Skont il-Unicef, il-progress fit-tnaqqis tal-imwiet tat-tfal kien diġà qed imajna minħabba li kien hemm bżonn li jiddaħħlu aktar fondi fis-sistemi tal-kura tas-saħħa u fil-kura tat-trabi tat-twelid iżda dan issa kien qed jiġi aggravat mill-effetti tal-kunflitti u l-kriżi klimatika.
It-tnaqqis li qed iseħħ issa qed jiżdied u qed iżid aktar pressjoni fuq sistemi tas-saħħa diġà mġebbda. F’xi postijiet, dan qed jaffettwa t-tilqim ta’ rutina, il-prevenzjoni tal-malarja, is-servizzi ta’ nutrizzjoni u l-kura madwar it-twelid.

