Monday, February 10, 2025

Rapport tal-FMI

Aqra wkoll

Ftit tal-ġranet ilu kien ippubblikat ir-rapport tal-Fond Monetarju Internazzjonali fuq l-andament ekonomiku f’pajjiżna li skont l-istess FMI ikkonfermat dak li konna nafu: li l-ekonomija kompliet tikber f’livell ferm ogħla mill-medja taż-żona ewro. Dan it-tkabbir jixhed ir-reżiljenza tal-ekonomija Malta minkejja l-isfidi internazzjonali. 

Turiżmu u konsum

Żewġ fatturi ewlenin li wasslu għal dan it-tkabbir ekonomiku b’saħħtu kienu t-turiżmu li fl-2024 reġa’ kiber kif ukoll il-konsum lokali li rpilja sew wara x-xokk ekonomiku li kkawżat il-pandemija. Iż-żieda fil-konsum hu frott ukoll tal-istabbilità finanzjarja u ekonomika li għandu pajjiżna liema stabbilità wasslet biex tiġġenera attività ekonomika ġdida kif ukoll investiment speċjament fis-settur tal-bini.

Investiment fil-bini

Is-settur tal-bini u real estate reġa’ kien strumentali għall-ekonomija tagħna u l-FMI iwissi dwar is-self li l-banek kummercjali jaghtu lil dan is-settur u li jista’ johloq riskji ghall-ekonomija. Ma naqbilx għalkollox ma’ din l-analiżi għal żewġ raġunijiet: l-ewwel nett għaliex proporzjon dejjem jikber ta’ dan is-self ġej mill-ħruġ ta’ bonds privati u mhux self mill-banek u t-tieni meta s-self isir mill-banek parti sostanzjali minn dan is-self ma jmurx għal spekulazzjoni iżda għal xiri ta’ residenzi jew bini għas-suq tal-kiri. Kull ekonomika tiddependi sa ċertu punt mis-settur tal-bini. Malta mhix eċċezzjoni u kif qed jiġri fil-kumplament tal-Ewropa qed nara aċċellerazzjoni fil-prezzijiet tal-bini. Din tista’ twassal għal ħtieġa akbar ta’ akkommodazzjoni socjali u piżijiet akbar għal min jissellef biex jixtri residenza.

Sussidji fuq l-enerġija

Jidher li l-FMI issa qed jirrikonoxxi li s-sussidji kellhom effett li joħolqu stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u b’hekk taffiet ir-rata ta’ inflazzjoni f’pajjiżna. Madankollu, il-FMI qed jirrakkomandaw li s-sussidju jingħata biss fejn il-konsum hu wieħed baxx għax fejn hu għoli dan x’aktarx jirrifletti bħala jew konsum marbut ma’ dħul għoli. Ma nafx jekk din ir-rakkomandazzjoni tirriflettix xi ħsieb minn Maltin li ltaqgħu mal-FMI iżda ma naqbel xejn ma’ din ir-rakkomandazzjoni għax tinjora żvilupp li seħħ permezz ta’ fondi Ewropej li wassal biex eluf ta’ residenzi Maltin u Għawdxin jinvestu f’batteriji li jiġġeneraw elettriku fir-residenzi tagħhom stess u b’hekk il-konsum tagħhom jista’ jkun anqas minn residenzi li għandhom dħul baxx u ma investewx f’apparat simili. L-argument jibqa’ li s-sussidji fuq l-enerġija kienu strumentali biex l-ekonomija tkompli tikber kif kibret. U wieħed jifhem għaliex il-Gvern żamm is-sussidji kif inhuma.

Sfidi

Il-FMI jsemmi numru ta’ sfidi li għandu pajjiżna fosthom dik li tissejjaħ skills mismatch li ilna nisimgħu fuqha bħalma nafu bil-fatt li studenti li jispiċċaw is-sekondarja fil-maġġoranza tagħhom ma jagħżlux studji tax-xjenza u matematika. Din mhix faċli ssolviha iżda li pajjiżna jinvesti aktar fir-riċerka u innovazzjoni jibqa’ neċessarju. Rajna żviluppi interessanti tul is-sena 2024 partikolarment mill-Ministeru għall-Ekonomija iżda rridu nkomplu naħdmu aktar biex intejbu l-ħiliet taż-żgħażagħ u l-ħaddiema tagħna u fl-istess waqt insaħħu l-produttività. Sfida oħra li jissemma mill-FMI ġejja miż-żieda fil-pagi li tista’ timpatta l-kompetitività f’pajjiżna. Ma nafx jekk it-trade unions kellhomx l-opportunità jiltaqgħu mal-FMI. Żgur kien ikollhom opinjoni għalkollox differenti u nżid bir-raġun. Il-ħaddiema kemm Maltin u Għawdxin kif ukoll dawk barranin jeħtieġ li jkollhom kundizzjonijiet xierqa ta’ xogħol.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport