12:30 p.m: Kmieni dalgħodu kelliem għall-Pulizija qal li kien għadu wisq kmieni biex ikun stabbilit x’wassal għall-qtil doppju f’Tas-Sliema.
Intant rapporti lokali qed jallegaw li skont filmati li nġabru minn kameras tas-sigurtà jidher li tliet persuni dehru jiġru b’baskett kbir hekk kif ħallew ix-xena tad-delitt.
Il-Pulizija qed tinkludi bħala suspettat ukoll lis-sewwieq li kien qed jistennihom fil-karozza li permezz tagħha ħarbu minn fuq il-post.
Il-Pulizija qiegħda tibqa’ tappella biex kull min għandu xi forma ta’ informazzjoni javviċinahom.
9:30 a.m: Kelliem għall-Pulizija kkonferma ma’ inewsmalta li aktar tard illum se tkun qed tissejjaħ konferenza tal-aħbarijiet b’rabta mal-qtil doppju tal-lejl li għadda. Fil-post hemm numru ta’ kameras tas-sigurtà li x’aktarx il-Pulizija qiegħda tinvestiga b’rabta mal-każ.
Jidher li s’issa m’hemm l-ebda persuna fil-kustodja tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ. Il-Pulizija qed tappella lill-pubbliku biex kull min għandu xi informazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ javviċina lill-Pulizija anke b’mod anonimu.
8:45 a.m: Kollox jindika li l-vittmi huma t-tabib Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski.
7:30 a.m: Il-Pulizija kompliet għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha b’rabta ma’ din l-isparatura li seħħet tard ilbieraħ filgħaxija. Fl-aħħar dettalji li ngħataw il-Pulizija qalet li mhijiex teskludi xejn f’dan l-istadju u li filwaqt li se jkomplu l-investigazzjonijiet, aktar dettalji mistennija tingħata fis-sigħat ta’ dalgħodu. B’hekk għalkemm xejn għadu mhu konfermat, mhux eskluż li fis-sigħat li ġejjin tissejjaħ crime conference bl-aħħar dettalji b’rabta ma’ dan il-qtil doppju.
12:10 a.m – L-isparatura seħħet f’residenza privata u l-Pulizija sabu żewġ irġiel maqtula, wieħed fis-sular ta’ fuq u l-ieħor fis-sular t’isfel. Fuq il-post hemm il-Maġistrat Ian Farrugia. Il-Pulizija mhiex teskludi li l-mottiv wara l-isparatura huwa hold-up. Il-Pulizija qalet ukoll li bħalissa ma hemm l-ebda persuna jew persuni miżmumin mill-Pulizija.
12:00 a.m – Skont informazzjoni li għandu inewsmalta.com l-allegat vittmi huma qraba u fil-ħin tal-isparatura kienu miġburin flimkien ma familjari oħrajn.
11:50 p.m – Sorsi qrib il-Pulizija qed jgħidu li preżentament il-Pulizija għandha persuni fil-kustodja tagħha wara allegat attentat ta’ hold-up.
11:40 p.m – Skont rapporti li qed jiċċirkolaw jidher li f’dan l-inċident allegatement inqatlu żewġ persuni.
Aktar qabel:
Il-lejla prorpju għall-ħabta tal-10:30 p.m, fi Triq Locker f’Tas-Sliema, qrib Qui-Si-Sana nstemgħu xi sparaturi. Allegatament qed ikun irrapportat ukoll li nqatlet persuna.
Aktar dettalji kif jaslulna.