Saturday, November 9, 2024

Rapporti jgħidu li r-Russja qiegħda tuża merċenarji biex iżżomm żoni ġewwa fl-Ukrajna

Indikazzjoni li r-Russja għandha nuqqas ta’ suldati?

Aqra wkoll

Il-Ministeru tad-Difiża tar-Re­nju Unit qal li r-Russja qiegħda tagħmel użu minn merċenarji biex iżommu l-kontroll tal-fruntieri ġewwa l-Ukrajna u dan huwa indikazzjoni li r-Russja għandha nuqqas ta’ suldati. 

Għadd ta’ rapporti qed jgħidu li r-Russja qiegħda tispiċċa tiddependi dejjem iktar fuq il-merċenarji privati ta’ Wagner Group biex iżżomm il-fruntieri mirbuħa ġewwa l-Ukrajna u jekk dan hu minnu juri l-istress militari kbir li r-Russja qiegħda tesperjenza sitt xhur wara li bdiet l-invażjoni fl-Ukrajna

Il-Ministeru tad-Difiża Britanniku tenna li l-użu tal-merċenarji ma jidhrix li se jkun qiegħed jagħmel tajjeb għat-telf ta’ suldati Russi u għalhekk dan ma jidhrix li se jwassal għal xi żvolta ġdida fl-offensiva Russa. Fil-passat ir-Russja ġieli użat is-servizzi tal-grupp Wagner iżda qabel dawn kienu jiġu mqabbda jagħmlu operazzjonijiet żgħar u sigrieti, u mhux attivitajiet militari fuq skala kbira kif allegatament qed jagħmlu ġewwa l-Ukrajna. 

Min-naħa tiegħu l-Ministru tad-Difiża Britanniku Ben Wallace qal ukoll li r-Russja qiegħda tfalli f’numru ta’ aspetti ta’ din il-gwerra u għalhekk mhux eskluż li Putin jerġa’ jbiddel l-istrateġija. 

Intant fl-aħħar sigħat ir-Russja wettqet numru ta’ attakki f’diversi żoni ġewwa Ukrajna, filwaqt li din tal-aħħar żiedet l-isforzi tagħha biex tieħu lura r-reġjun ta’ Kherson fin-Nofsinhar tal-pajjiż. L-Ukrajna qiegħda tipprova tiżola lit-truppi Russi li jinsabu fin-Nofsinhar tal-pajiż, u bħala parti minn din l-operazzjoni l-militar Ukren kisser pont importanti li minnu kienu jgħaddu l-provvisti għas-suldati Russi. L-Ukrajna kissret il-pont b’armamenti pprovuti mill-Istati Uniti. 

Il-kontroll ta’ Kherson huwa importanti ħafna għar-Russja hekk kif dan jipprovdi passaġġ lejn il-Krimea – territorju Ukrejn li kien ittieħed mir-Russja lura fl-2014.

Sport