Fl-aħħar sigħat, il-forzi Ukreni wettqu kontrattakk fuq forzi Russi fil-Lvant tal-pajjiż bi ġlied qalil ikun irrapportat qrib it-tieni l-ikbar belt Ukrejna Kharkiv. Dan seħħ fl-istess waqt li aġenziji militari tal-Punent irrapportaw li l-offensiva tar-Russja fir-reġjun tad-Donbas tinsab staġnata.
Kien irrapportat li waqt dan il-kontrattakk, it-truppi Ukreni li qed jiddefendu lil Kharkiv irnexxielhom jimbuttaw lura lit-truppi Russi u saħanistra dawn avvanzaw lejn il-fruntiera Russa. L-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters qalet li hija ma setgħetx tivverifika dawn l-aħbarijiet b’mod indipendenti u għadu mhux ċar kemm kien hemm truppi Ukreni li resqu qrib il-fruntiera Russa.
Apparti dan, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg qal li l-offensiva Russa fir-reġjun tad-Donbas hija staġnata u possibbilment l-Ukrajna tista’ tirbaħ din il-gwerra; ħaġa li ftit basru li setgħet iseħħ meta r-Russja invadiet fl-24 ta’ Frar li għadda. Hu mifhum li minn meta bdiet l-invażjoni r-Russja tilfet numru kbir ta’ suldati iżda dan xorta ma waqqafx lill-militar Russi milli jkompli jwitti għadd ta’ bliet Ukreni.
S’issa l-armata Ukrena rnexxielha twettaq numru ta’ rebħiet importanti fosthom id-difiża qalbiena tal-kapitali Kiev kif ukoll il-kontroffensiva li saret ġewwa Kharkiv fil-Lvant tal-pajjiż. Minn nofs April ’il hawn il-forzi Russi ffukaw il-maġġoranza assoluta tal-qilla tagħhom fuq iż-żewġ provinċji fil-Lvant maħrufa bħala d-Donbas. Moska kienet irrikonoxxiet l-indipendenza ta’ Donetsk u Luganks ftit qabel bdiet l-invażjoni.
Skont informazzjoni miġbura mill-militar Britanniku, minn meta bdiet l-invażjoni r-Russja tilfet xejn inqas minn terż tas-suldati tagħha filwaqt li l-offensiva fid-Donbas waqt lura ħafna.
Ir-Russja qiegħda ssejjaħ l-invażjoni ġewwa l-Ukrajna bħala “operazzjoni militari speċjali” biex dan il-pajjiż jinħeles “mill-faxxisti”; asserzjoni li kemm Kiev u l-alleati tal-Punent iqisuha bħala bla bażi u saret biss biex ir-Russja tipprova tiġġustifika gwerra li ma kinitx provokata.