Uffiċjali Ċiniżi għall-ewwel darba ammettew li s-sitwazzjoni fil-pajjiż minħabba l-Covid-19 mhix daqshekk pjaċevoli. Skont dawn l-ufiċċjali r-rata tal-imwiet hija għolja ħafna u qalu li 70% tar-residenti ta’ Shanghai huma nfettati b’dan il-vajrus.
Waqt li kienu qegħdin jitkellmu fuq stazzjoni televiżiv Ċiniż, uffiċjali tas-saħħa qalu li raw żieda qawwija fil-każi u anke f’dawk il-persuni li qegħdin imutu.
Madanakollu biex “jikkalmaw” lil poplu Ċiniż qalu li din iż-żieda hija fl-istess linji ta’ pajjiżi oħrajn.
Diveri pajjiżi madwar id-dinja qegħdin idaħħlu miżuri li bihom passiġġier li jkun għadu kemm wasal miċ-Ċina biex jidħol fil-pajjiż irid jippreżenta ċertifikat tal-Covid negattiv.
Minħabba dan Mao Ning il-kelliema għall-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Ċiniż qalet li “xi pajjiżi qegħdin idaħħlu restrizzjonijiet fuq passiġġieri Ċiniżi. Huma qegħdin jagħmlu dan mingħajr m’għandhom bażi xjentifika u xi informazzjoni li għandhom hija ħażina.”
Hi wissiet li jekk dawn il-miżuri se jibqgħu fis-seħħ iċ-Ċina kienet se tirritalja b’restrizzjonijiet fuq passiġġier ġejjin minn dawn il-pajjiżi.
Lejn l-aħħar ta’ Diċembru l-Gvern Ċiniż kien ħabbar li jekk tasal lura fiċ-Ċina mhux se jkollok bżonn tagħmel kwarantina. Minħabba li tneħħiet din il-miżura, eluf kbar ta’ Ċiniżi qegħdin isifru f’diversi pajjiżi madwar id-dinja.