Persuni li tkellmu ma’ Talk.mt kellhom l-istess kliem ta’ emozzjoni mibnija fuq esperjenzi li minkejja li kienu qegħdin jistennewhom, ħallewhom maħsudin b’dak li kien qiegħed jiġri madwarhom fi ftit sigħat mill-aħbar tal-invażjoni.
L-Ukreni li ħallew pajjiżhom jgħidu li “dawk is-sigħat li għaddejna fil-vjaġġ kienu l-agħar sigħat. Tisma’ l-isplużjonijiet. Is-sireni. Il-bumbardamenti. Fit-toroq kien normali li tara tankijiet tal-gwerra u konvojs militari. Fit-toroq kont tara għadd ta’ pets abbandunati minn nies li spiċċaw kienu evakwati. Rajna irġiel u missirijiet ibusu lil uliedhom jew familjari, waqt li tfa u ommijiet kienu evakwati. Kien mument iebes dak meta ħriġna mill-appartament u sakkarna warajna. Tibda tgħid jekk hux se terġa’ tirritorna u f’liema kundizzjoni se jkun fih dak l-istess appartament. Inħares lura u ngħid li aħna ġietna tajba għax irnexxielna noħorġu. Għad hemm ħafna nies li għadhom fil-kunflitt jew maqbudin f’żoni oħra.”
Jisħqu li “bqajna insegwu x’qed jiġri. Kienet ħasda kbira naraw dak il-blokk appartamenti jintlaqat minn missila. Dawk jinsabu ftit minuti biss bogħod minn fejn noqogħdu”.