Thursday, November 20, 2025

Rayan Husni Bey u Maria Woodward jiksbu suċċess fl-MGA Shield tal-Golf

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Golf organizzat id-19-il edizzjoni tal-MGA Shield li saret fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet fil-korsa tal-golf fil-Marsa f’kundizzjonijiet ta’ temp ferm tajbin.

F’dan l-avveniment, li għar-raba’ sena konsekuttiva ġie sponsorjat minn Crosscraft, kien hemm total ta’ 120 golfer, 99 irġiel u 21 mara fejn ħadu sehem ukoll fit-turnew Stableford fuq jumejn.

Fl-ewwel jum, 38 plejer lagħbu skont il-handicap tagħhom, bi 12-il punteġġ li qabżu l-40 punt. Fit-tieni jum, 21 plejer lagħbu skont jew aħjar il-handicap tagħhom, iżda kienu erbgħa biss li laħqu l-40 punt jew aktar.

Fost in-nisa, Guan Mingqi kienet fit-tmexxija wara l-ewwel jum bi 42 punt, segwita minn Daniela Scodamore b’41, Maria Woodward b’40, u Susan Wibrew li flimkien ma’ Catherine Milet kisbu 39 punt Filwaqt li Milet żammet il-pożizzjoni tagħha, il-klassifika nbidlet sew fit-tieni jum. Hekk kif Woodward żiedet fil-pass biex tirbaħ l-MGA Shield għar-raba’ darba, b’Wibrew tispiċċa t-tieni u Scodamore tieħu t-tielet post.

Fost l-irġiel, William Beck kien fil-quċċata fl-ewwel jum bi 43 punt, b’ħames plejers Nicholas Urpani, John Fletcher, Nicholas Laferla, Fredrik Johansson u Alexandr Vagimov li kienu qrib tiegħu b’41 punt. Diversi kontendenti ewlenin fallew fit-tieni jum, filwaqt li Johansson żamm il-konsistenza u spiċċa t-tieni. Aldric Gaudinot Nannan tela’ sew fil-punteġġ tiegħu għalkemm ir-rebbieħ ġenerali kien Rayan Husni Bey, li kiseb 42 punt fit-tieni jum biex għeleb b’vantaġġ ta’ żewġ punti.

Wieħed mill-aqwa mumenti ta’ tmiem il-ġimgħa kien l-64 punt gross ta’ Andrew Borg fl-ewwel jum, b’par fuq 13-il toqba u birdies fit-toqob 2, 4, 5, 8 u 14.

Fi tmiem l-avveniment, il-president tal-Malta Golf Association William Beck u l-captain tar-Royal Malta Golf Club Irwin Gratil ippreżentaw it-trofej lir-rebbieħa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport