Mhux kulħadd jinsab eċċitat dwar il-fatt li l-coach Taljan, Roberto De Zerbi, se jieħu f’idejh lil Olympique Marseille, hekk kif l-eks coach ta’ Franza, Raymond Domenech, jargumenta li ‘il-livell tiegħu’ huwa aktar ta’ Brighton u Reims.
L-eks coach ta’ Sassuolo, Benevento u Shakhtar Donetsk, ħa lil Brighton għall-ewwel tournament tal-UEFA tagħhom, meta kkwalifikaw għall-Europa League fejn ġew eliminati minn Roma fil-kwarti-finali.
Huwa kien imsemmi ma’ clubs fosthom Milan, Napoli, Barcelona, Juventus, Liverpool, Manchester United u Bayern Munich, iżda issa qabel it-termini ma’ Olympique Marseille.
“Kien hemm proġett kbir biex imur ma’ Habib Beye u kien perfett għax-xogħol,” qal Domenech.
“Brighton, fejn spiċċaw fil-Premier League fl-istaġun li għadda? Kienu wara t-timijiet il-kbar kollha. Huma bħal Reims. Dak huwa l-livell tiegħu.
“Huwa kien f’Sassuolo qabel, sena f’Shakhtar Donetsk.”
Forsi meta rrealizza li deher daqs li kieku kien għadu b’togħma morra wara li tilef il-finali tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 kontra l-Italja, l-eks coach ta’ Franza, Domenech, ipprova jserraħ ras kulħadd li ma kienx personali fil-kummenti tiegħu.
“M’għandi xejn kontra li jkun Taljan. De Zerbi għadu kif induna li s-sena d-dieħla kien se jispiċċa fil-15-il post ma’ Brighton u għalhekk telaq. Mhux qed ngħid li huwa coach ħażin.”
Brighton qed jitolbu €6 miljun biex De Zerbi jinħeles mill-kuntratt tiegħu fl-AMEX Stadium.
Issa jidher li ż-żewġ clubs se jilħqu ftehim verbali biex iħalluh jitlaq, iżda għadu mhux ċar kemm se jħallsu Marseille.