Wednesday, November 6, 2024

Real Madrid champions tad-Dinja għall-ħames darba

Aqra wkoll

Real Madrid rebħu t-Tazza tad-Dinja tal-Clubs tal-FIFA għall-ħames darba li ssaħħilhom ir-rekord meta għelbu lil Al-Hilal fil-finali tas-Sibt quddiem 44.439 spettatur fil-Prince Moulay Abdellah Stadium fir-Rabat, il-Marokk.

Iċ-champions Ewropej, li kienu għelbu lil Al Ahly tal-Eġittu 4-1 fis-semi-finali, rebħu 5-3 kontra r-rebbieħa tal-Sawdi Pro League tal-istaġun li għadda.

Vinicius Junior u Federico Valverde skorjaw darbtejn kull wieħed u Karim Benzema skorja l-goal l-ieħor għal Real, li saru l-10 team Ewropew konsekuttiv li rebaħ din il-kompetizzjoni.

Tnejn mill-goals ta’ Al-Hilal waslu bil-kortesija ta’ Luciano Vietto, filwaqt li Moussa Marega wkoll sab ix-xibka.

Toni Kroos lagħab 74 minuta għal Real hekk kif waqqaf rekord ġdid bħala l-ewwel player li qatt rebaħ it-Tazza tad-Dinja tal-Clubs sitt darbiet.

Kroos deher fil-ħames kampanji rebbieħa ta’ Real – qabel fl-2014, 2016, 2017 u 2018 – wara li rebaħ t-trofew għall-ewwel darba ma’ Bayern Munich fl-2013.

Sadanittant, ir-regolari ta’ Real, Luka Modric, Nacho Fernandez, Daniel Carvajal u Karim Benzema, kollha saru rebbieħa ħames nhar is-Sibt.

Il-coach ta’ Real, Carlo Ancelotti, huwa t-tieni wieħed li rebaħ it-tazza  tliet darbiet, u qabbel ir-rekord stabbilit minn Pep Guardiola, li wassal lil Barcelona għall-glorja globali fl-2009, 2011 u 2013.

Ir-referee kien l-Ingliż Anthony Taylor li nhar l-Erbgħa se jkun inkarigat mil-logħba kruċjali tal-Premier League bejn Arsenal u Manchester City.

Sport