Real Madrid qed iħejju mega offerta ta’ €50 miljun fis-sena lill-attakkant internazzjonali Franċiż, Kylian Mbappe, b’kuntratt għal ħames snin.
Dan wara li sar magħruf li l-player ta’ 24 sena mhux se jġedded il-kuntratt tiegħu ma’ Paris St-Germain.
U hekk kif fadallu sena oħra biex isir aġent ħieles, il-Pariġini jinsabu ħerqana biex ibiegħu u jirċievu somma sostanzjali tiegħu.
Iżda l-ballun jinsab f’saqajn il-player innifsu. Dan minħabba li jekk il-club jitlob somma għolja li Real Madrid ma jkunux iridu jħallsu, jista’ jsir ftehim bejn l-Ispanjoli u Mbappe nnifsu biex jibqa’ jilgħab fil-Kampjonat Franċiż għal staġun ieħor biex f’Lulju 2024 huwa jinnegozja l-kuntratt tiegħu stess … u Paris St-Germain jibqgħu b’xejn.
Min-naħa l-oħra l-club Franċiż qed jagħmel kull pressjoni biex Mbappe jaċċetta li jiġi trasferit għax qed jheddu li jifħtulu kawża legali … wara li ħallsu €145 miljun għall-firma tiegħu mingħand Monaco.