Erba’ players ta’ Manchester City ġew inklużi fil-FIFPro World XI tal-irġiel għall- 2024.
Id-difensur ta’ Liverpool, Virgil van Dijk, huwa l-ħames player tal-Premier League fit-team, li hu komplut minn players ta’ Real Madrid.
Is-superstilla Arġentin, Lionel Messi, li ħalla lil Paris St-Germain għal Inter Miami fl-Istati Uniti f’Lulju tal-2023, huwa nieqes għall-ewwel darba mill-2006.
Il-linja ta’ quddiem tal-2024 hija magħmula minn Erling Haaland ta’ Manchester City, Vinicius Jr (ritratt) ta’ Real Madrid u Kylian Mbappe, li ħalla lil PSG għal Real fis-sajf.
Sieħbu l-ġdid f’Real, Jude Bellingham, kiseb il-quċċata tal-votazzjoni ġenerali tal-irġiel, bil-midfielder tal-Ingilterra ta’ 21 sena jirċievi 11,176 selezzjoni minn sħabu.
Bellingham, Dani Carvajal, Antonio Rudiger, Vinicius Jr u Toni Kroos għenu lil Real jirbħu La Liga u ċ-Champions League fl-istaġun li għadda, bi Kroos jirtira wara li lagħab mal-Ġermanja fil-Euro 2024.
Haaland, Ederson, Kevin de Bruyne u r- rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb, Rodri, għenu lil Manchester City jirbħu l-Premier League għar-raba’ sena konsekuttiva. Rodri u Carvajal rebħu wkoll il-Euro 2024 ma’ Spanja.
Aktar minn 28,000 player professjonali minn 70 pajjiż ivvutaw għat-timijiet tal-irġiel u tan-nisa, bit-team tal-irġiel ibbażat fuq il-prestazzjonijiet minn Awwissu 2023 sa Lulju 2024.
Il-votazzjoni tal-World XI tal-irġiel intemmet hekk:
Goalkeeper: Ederson (Manchester City, Brażil).
Difensuri: Dani Carvajal (Real Madrid, Spanja), Virgil van Dijk (Liverpool, Olanda), Antonio Rudiger (Real Madrid, Ġermanja).
Midfielders: Jude Bellingham (Real Madrid, Ingilterra), Kevin de Bruyne (Manchester City, Belġju), Toni Kroos (Real Madrid, Ġermanja), Rodri (Manchester City, Spanja).
Attakanti: Erling Haaland (Manchester City, Norveġja), Kylian Mbappe (Paris St- Germain/Real Madrid, Franza), Vinicius Junior (Real Madrid, Brażil)