Sunday, November 24, 2024

Real Madrid jirbħu t-Tazza Spanjola

Aqra wkoll

Real Madrid rebħu l-Copa del Rey għall-20 darba wara li fil-finali li saret tard nhar is-Sibt filgħaxija għelbu lil Osasuna 2-1, l-aħħar darba fl-istaġun 2013-14.

L-eroj tal-Madrileni kien il-Brażiljan, Rodrygo, li kien fil-post eżatt biex mill-viċin skorja l-goal tar-rebħa wara li x-xutt ta’ Toni Kroos ġie devjat f’saqajh.

Osasuna, li kienu qed jilagħbu fit-tieni finali tagħhom tat-tazza, kienu heddew li jistgħu jwettqu sorpriża meta Lucas Torro kiseb id-draw fil-58 minuta.

Rodrygo ta vantaġġ bikri lil Real bl-aktar goal veloċi f’finali tat-Tazza Spanjola għal 17-il sena meta sab ix-xibka wara 106 sekonda.

Osasuna, appoġġjati minn kważi 25,000 partitarju ġewwa l-Estadio de La Cartuja, kellhom iċ-ċansijiet tagħhom hekk kif kienu qed jippruvaw jiksbu l-ewwel trofew ewlieni fl-istorja tagħhom ta’ 103 snin.

Huma ġew imċaħħda mill-goal tad-draw fil-ħin miżjud meta Dani Carvajal imblokka biex salva l-isforz ta’ Kike Barja.

Los Rojillos, li tfisser The Little Reds, kellhom aktar xuttijiet fil-mira (5) minn Real (3), iżda t-team ta’ Carlo Ancelotti fl-aħħar mill-aħħar kien aktar kliniku quddiem il-lasti.

Issa Real tefgħu l-attenzjoni tagħhom fuq l-ewwel leg tas-semi-finali taċ-Champions League ta’ għada t-Tlieta kontra Manchester City.REAL

Sport