Kylian Mbappe jinsab għal darb’oħra fuq ir-radar ta’ Real Madrid minkejja li l-Franċiż irrifjuta lill-club Spanjol ftit tax-xhur ilu biex iġġedded ma’ Paris St Germain sal-2025.
Issa, rapporti minn Spanja qed isostnu li l-Madrileni jinsabu lesti li jonfqu pakkett ta’ €1 biljun għall-firma tal-attakkant internazzjonali Franċiż li jinkludu l-ħlas tat-trasferiment, is-salarju tiegħu, il-kummissjonijiet u d-drittijiet tal-immaġni tal-player.
Minkejja li fis-sajf li għadda, il-player ta’ 23 sena pprefera li jġedded il-kuntratt tiegħu mal-Pariġini u kien kritika qawwi mill-club Madrilen fil-konfront tiegħu, dan ma waqqafx milli jkomplu jiġru wara s-servizzi tiegħu.
Aktar minn hekk, huma qed ipoġġu lil Mbappe bħala l-prijoritá tiegħu fis-suq tat-trasferimenti tas-sajf li ġej.
Huma lesti li joffrulu salarju ta’ €630 miljun għall-erba’ snin li ġejjin u l-ħlas tat-trasferiment ikun dak ta’ €150 miljun flimkien ma’ bonus tat-trasferiment u l-kummissjonijiet.
Il-president ta’ Real Madrid, Florentino Perez, jemmen li Mbappe għandu jmexxi lit-team fil-futur u għaldaqstant se jagħmel dak kollu fil-poter tiegħu biex jirbaħ il-firma tal-attakkant Franċiż.
Minkejja li fis-sajf li għadda ffirma kuntratt ġdid, Mbappe jrid jitlaq lill-club Pariġin u kemm-il darba sostna li ma jinsabx kuntent u jrid avventura ġdida.