Wara li fl-istaġun li għadda l-Ispanjol, Xabi Alonso, mexxa lil Bayer Leverkusen għad-double domestiku fil-Ġermanja mingħajr telfa, huwa rebaħ l-istatus ta’ wieħed mill-aqwa coaches tal-era moderna.
Wara li f’Jannar li għadda, Jurgen Klopp ħabbar li kien se jirriżenja mill-kariga tiegħu ma’ Liverpool fi tmiem l-istaġun, ir-Reds għamlu dak kollu fil-poter tagħhom biex jingaġġawh iżda huwa ried jibqa’ ma’ Bayer minħabba li ried ikompli bil-proġett tiegħu … biex eventwalment l-alternattiva tar-Reds kien l-Olandiż, Arne Slot.
Ta’ min isemmu wkoll li fil-karriera tiegħu, Alonso lagħab ma’ Liverpool, Real Madrid u Bayern Munich fejn huwa stess wera x-xewqa li jikkowċja wkoll lit-tliet timijiet.
Iżda filwaqt li Bayern għadhom kif ħatru lil Vincent Kompany, il-Madrileni qed jippreparaw għall-ħajja wara Carlo Ancelotti. Għaldaqstant huma qed jaraw li se jkun iż-żmien opportun li Alonso jkun is-suċċessur tiegħu.
Bla dubju, Leverkusen mhux se jkollhom staġun bħal dak preċedenti u filwaqt li huwa qed ikompli jikseb l-esperjenza, rapporti fi Spanja qed isostnu li l-Madrileni għamlu kuntatt mal-aġent tiegħu fit-tentattiv li jibdew it-taħditiet neċessarji bil-possibbiltá li fis-sajf li ġej, l-Ispanjol ta’ 42 sena jkun fir-responsabbiltá tat-team.