Tuesday, December 24, 2024

REAZZJONI DGĦAJFA MILL-UE DWAR IL-KUNFLITT F’GAŻA

Aqra wkoll

Minn mind seħħew l-attakki tal-Hamas fuq Iżrael fis-7 ta’ Ottubru li għadda, l-Unjoni Ewropea fejn jidħol dan il-kunflitt flok kienet magħquda b’pożizzjoni waħda spiċċat maqsuma fi tlett partijiet.  Hemm dawk li ħadu in-naħa ta’ Iżrael u appoġġjaw il-kampanja militari tiegħu.

Fost dawn kien hemm il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Awstrija u r-Repubblika Ċeka. Ovvjament ħadu din il-pożizzjoni għal interessi diversi.  Imbagħad hemm dawk li bde isejħu għal paċi waqt li jikkundannaw lill-Hamas. Dawn il-pajjiżi talbu għal waqfien mill-ġlied u kkritikaw lil Iżrael li b’dak li kien qed jagħmel kien qed jikser il-liġijiet umani internazzjonali. Fuq quddiem ma’ dawn il-pajjiżi kien hemm il-Belġju, Spanja, Franza u l-Irlanda. It-tielet fazzjoni Ewropea imbagħad hi grupp ta’ pajjiżi li jinsabu bejn dawn iż-żewġ gruppi. Jappoġġjaw lil Iżrael jew ma jridux jikkritikaw imma l-appoġġ tagħhom hu ħafna inqas b’saħħtu minn dak tal-ewwel grupp, li jinkludi fost oħrajn lill-Ġermanja. 

Meta tara l-pożizzjonijiet li ħadu l-pajjiżi Ewropej tara li m’hemmx pajjiżi favur il-kawża Palestinjana. Ma’ rajna l-ebda gvern Ewropew itella’ l-bandiera Palestinjana jew jikkundanna l-okkupazzjoni ta’ Iżrael.  L-uniku eċċezzjoni kienet id-Deputat Prim Ministru Spanjola Yolanda Diaz li sejħet dak li qed jagħmel Iżrael bħala “Israel Apartheid’. Id-dikjarazzjonijiet tagħha imma ma jirrappreżentawx il-pożizzjoni tal-Gvern Spanjol. 

Quddiem din il-pożizzjoni dgħajfa Ewropea, li mhi se twassal imkien, għandna  kunflitt li ħoloq u qiegħed joħloq tbatija kbira fost ir-residenti ta’ Gaża. Rajna imwiet ta’ tfal. Familji jintradmu taħt it-terrapien. Rajna xeni xokkanti ta’ persuni ifittxu lil uliedhom qalb it-tifrik.  Rajna kif dawk f’Gaża huma imċaħħdin minn ħtiġijiet bażiċi fosthom l-ilma. Rajna l-qtugħ ta’ mezzi tal-kommunikazzjoni. Rajna lin-nies ibatu minn nuqqas ta’ ikel u mediċini.

U quddiem dan ma tistax ma tistaqsix imma l-Unjoni Ewropea x’qiegħda tagħmel. X’deċiżjonijiet politiċi qiegħda tieħu bil-għan li fir-reġjun jerġa’ jirrenja l-paċi.  M’hemm ebda dubju li l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, li ilha żmien tipprova tistabbilixxi ruħha fil-qasam tal-politika internazzjonali, kienet waħda dgħajfa għall-aħħar. 

Quddiem din it-traġedja umana konna nistennew Unjoni Ewropea attiva. Unjoni Ewropea li tieħu rwol ċentrali. Taġixxi biex terġa’ tinħoloq l-istabbilità u tirrenja l-paċi.  Nistennew dan għax l-Unjoni Ewropea twaqqfet fuq it-tħaris għad-drittijiet tal-bniedem.  X’jiswa li jkollok id-drittijiet umani u l-bżonn li dawn jitħarsu u jkunu protetti, jekk quddiem kriżi kbira għal ma hi dik tal-kunflitt f’Gaża, kull ma tkun kapaċi tagħmlu hu reazzjoni dgħajfa.

Bla dubju l-mod kif aġixxiet l-Unjoni Ewropea kien falliment politiku u morali.  F’dan il-mument id-dinja, b’mod partikolari ir-reġjun tal-lvant nofsani kellu bżonn li l-Unjoni Ewropea ssemma’ leħinha b’qawwa.  Fejn hi l-medjazzjoni fil-kunflitt? Fejn huma s-soluzzjonijiet diplomatiċi? Minn dawn ma rajna xejn. Rajna biss dikjarazzjonijiet vagi. Dikjarazzjonijiet għal gallerija. Ma’ dawn imbagħad kien hemm dikjarazzjonijiet li taw appoġġ lil Iżrael, u li dawn ma kellhom l-ebda approvazzjoni u appoġġ minn diversi Stati membri. 

Dan il-kunflitt għal darba oħra kixef li fil-qasam internazzjonali għandha Unjoni Ewropea bla direzzjoni. Fejn huma s-sejħiet li suppost isiru f’kunflitt bħal dan – dak tal-waqfien mill-ġlied. Għaliex l-Unjoni Ewropea żammet lura milli titkellem fuq waqfien mill-ġlied.  Għaliex f’kunflitti oħra, l-Unjoni Ewropea ikkritikat u sew għamlet meta kien hemm ksur ta’ drittijiet umani, imma f’dan il-kunflitt adottat pożizzjoni dgħajfa?

Dan kien test ieħor għall-Unjoni Ewropea. Kellha l-opportunità li turi li verament li hi attur globali ewlieni.  Dan ma ntweriex. Ir-raġunijiet għal dan huma diversi. L-Unjoni Ewropea, wara t-Tieni Gwerra Dinjija inbniet fuq prinċipji sodi. Prinċipji li jħarsu d-drittijiet umani. Prinċipji favur il-paċi. Favur il-koperazzjoni. Quddiem reazzjoni dgħajfa, il-mistoqsija hi fejn spiċċaw dawn il-prinċipji?

Ekonomija

Sport