Monday, November 11, 2024

REAZZJONI DGĦAJFA MILL-UNJONI EWROPEA DWAR IL-KUNFLITT F’GAZA

Aqra wkoll

Proprju nhar l-Erbgħa fil-għaxija il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Maqgħuda approva riżoluzzjoni minn Malta,  liema riżoluzzjoni sejħet għall-pawżi estiżi umanitarji f’Gaża. L-istess riżoluzzjoni talbet biex jinħelsu l-ostaġġi li nħatfu mill-Ħamas. Ir-riżoluzzjoni mressqa minn pajjiżna għaddiet bi 12-il vot favur,  tliet astensjonijiet u ebda vot kontra.

Wieħed irid jirrimarka li kien hemm kummenti pożittivi minn għadd ta’ rappreżentanti fil-Kunsill, fosthom mir-Renju Unit. Ir-riżoluzzjoni tista’ tgħid li irnexxielha tgħaqqad lill-pajjiżi b’sejħa għal azzjoni sigura, mingħajr ostakli u b’mod immedjat għal kuruturi umanitarji u dan biex  jiffaċilitaw l-għajnuna lil persuni ċivili fosthom tfal maqbudin fil-kunflitt f’Gaża.

Ir-riżoluzzjoni ma waqfitx hemm u sejħet biex il-partijiet ma jkomplux iċaħħdu lir-residenti  f’Gaża minn servizzi baziċi u għajnuniet li huma indispensabbli għall-għajxien tagħhom. Talbet b’mod ċar ħafna li tkun osservata l-liġi umanitarja internazzjonali.

Kienet ħasra li kemm l-Ambaxxatur għall-Istati Uniti u anke dak għar-Renju Unit, iddeċidew li jastjenu mill-vot. Skont huma dan sar għax ir-riżoluzzjoni ma tispeċifikax kundanna għall-attakki tal-Ħamas li saru fit-7 ta’ Ottubru. Huma argumentaw li kienu dawn l-attakki li wasslu għar-ritaljazzjoni minn Iżrael. 

Ma nistgħux nieqfu biss ma’ din ir-riżoluzzjoni. Malta flimkien mal-bqija qiegħda ssegwi s-sitwazzjoni diffiċli u dejjem tinbidel f’Gaża.  Kunflitt li qiegħed joħloq tbatija kbira fost ir-residenti ta’ Gaża. Rajna imwiet ta’ tfal. Familji jintradmu taħt it-terrapien. Rajna xeni xokkanti ta’ persuni ifittxu lil uliedhom qalb it-tifrik.  Rajna kif dawk f’Gaża huma imċaħħdin minn ħtiġijiet bażiċi fosthom l-ilma. Rajna l-qtugħ ta’ mezzi tal-kommunikazzjoni. Rajna lin-nies ibatu minn nuqqas ta’ ikel u mediċini.

U quddiem dan ma tistax ma tistaqsix imma l-Unjoni Ewropea x’qiegħda tagħmel. X’deċiżjonijiet politiċi qiegħda tieħu bil-għan li fir-reġjun jerġa’ jirrenja l-paċi.  M’hemm ebda dubju li l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea, li ilha żmien tipprova tistabbilixxi ruħha fil-qasam tal-politika internazzjonali, kienet waħda dgħajfa għall-aħħar. 

Quddiem din it-traġedja umana konna nistennew Unjoni Ewropea attiva. Unjoni Ewropea li tieħu rwol ċentrali. Taġixxi biex terġa’ tinħoloq l-istabbilità u tirrenja l-paċi.  Nistennew dan għax l-Unjoni Ewropea twaqqfet fuq it-tħaris għad-drittijiet tal-bniedem.  X’jiswa li jkollok id-drittijiet umani u l-bżonn li dawn jitħarsu u jkunu protetti, jekk quddiem kriżi kbira għal ma hi dik tal-kunflitt f’Gaża, kull ma tkun kapaċi tagħmlu hu reazzjoni dgħajfa.

Bla dubju l-mod kif aġixxiet l-Unjoni Ewropea kien falliment politiku u morali.  F’dan il-mument id-dinja, b’mod partikolari ir-reġjun tal-lvant nofsani kellu bżonn li l-Unjoni Ewropea ssemma’ leħinha b’qawwa.  Fejn hi l-medjazzjoni fil-kunflitt? Fejn huma s-soluzzjonijiet diplomatiċi? Minn dawn ma rajna xejn. Rajna biss dikjarazzjonijiet vagi. Dikjarazzjonijiet għal gallerija. Ma’ dawn imbagħad kien hemm dikjarazzjonijiet li taw appoġġ lil Iżrael, u li dawn ma kellhom l-ebda approvazzjoni u appoġġ minn diversi Stati membri. 

Dan il-kunflitt għal darba oħra kixef li fil-qasam internazzjonali għandha Unjoni Ewropea bla direzzjoni. Fejn huma s-sejħiet li suppost isiru f’kunflitt bħal dan – dak tal-waqfien mill-ġlied. Għaliex l-Unjoni Ewropea żammet lura milli titkellem fuq waqfien mill-ġlied.  Għaliex f’kunflitti oħra, l-Unjoni Ewropea ikkritikat u sew għamlet meta kien hemm ksur ta’ drittijiet umani, imma f’dan il-kunflitt adottat pożizzjoni dgħajfa?

Dan kien test ieħor għall-Unjoni Ewropea. Kellha l-opportunità li turi li verament li hi attur globali ewlieni.  Dan ma ntweriex. Ir-raġunijiet għal dan huma diversi. L-Unjoni Ewropea, wara t-Tieni Gwerra Dinjija inbniet fuq prinċipji sodi. Prinċipji li jħarsu d-drittijiet umani. Prinċipji favur il-paċi. Favur il-koperazzjoni. Quddiem reazzjoni dgħajfa, il-mistoqsija hi fejn spiċċaw dawn il-prinċipji?

Sport