Id-deċiżjoni tal-Partit Nazzjonalista li ma tħallix liż-żewġ kandidati li wrew interess li jikkontestaw għall-kariga ta’ Kap tal-PN, sabiex jiddibattu lil xulxin ġabet reazzjonijiet imħallta. Filwaqt li kien hemm min iddikjara fuq il-midja soċjali li t-tesserati mhux dibatittu għandhom bżonn imma proposti dwar kif il-kandidati beħsiebhom jimxu ’l quddiem oħrajn esprimew ir-rabja tagħhom u qalu li ma jaqblu xejn ma din id-deċiżjoni u staqsew fuqiex it-tesserati se jkunu qegħdin jiġġudikaw liż-żewġ kandidati, f’dan il-każ lil Adrian Delia u lil Alex Borg.
L-Orizzont staqsa lil kelliem tal-Partit Nazzjonalista dwar x’wassal biex tittieħed din id-deċiżjoni u r-risposta li rċevejna mill-Partit Nazzjonalista kienet din: “Din hija elezzjoni interna tal-Partit Nazzjonalista li titmexxa kif jgħid l-Istatut tal-Partit u skont provedimenti oħra approvati mill-Kunsill Ġenerali li sar nhar il-Ħadd 22 ta’ Ġunju 2025. Minn dawn joħroġ li l-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data tal-Partit Nazzjonalista, li hija awtonoma mill-organi tal-Partit Nazzjonalista, hija responsabbli mill-proċess elettorali kollu, inkluż il-kontroll fejn tidħol il-media, bl-iskop li jinżamm bilanċ fl-opportunitajiet li jkollhom il-kandidati biex jinfurmaw lit-tesserati u lill-pubbliku bil-ħsibijiet tagħhom rilevanti għal din il-kampanja.”
Sadanittant, skont ir-regolamenti maħruġa mill-Kummissjoni Elettorali tal-PN, kien deċiż li matul dawn il-ġimgħat sakemm jitlesta l-proċess ta’ verifika mill-Kummissjoni Kandidati jistgħu jsiru xi intervisti lill-kandidati prospettivi separatament, kemm fuq il-mezzi tal-media tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll fuq media oħra. Barra minn hekk “tul il-kampanja elettorali uffiċjali jsiru biss intervisti fuq il-media tal-PN.”
“L-intervisti jridu jkunu separatament ma’ kull kandidat prospettiv u mhux fil-forma ta’ dibattitu. F’ebda ħin iż-żewg kandidati prospettivi m’għandhom ikunu fl-intervista fl-istess ħin,” żied jingħad fir-regolamenti. Dan filwaqt li ngħad li m’għandha ssir ebda riferenza, la mill-kandidat prospettiv li jkun qed jiġi intervistat u lanqas mill-intervistatur, għall-kandidat l-ieħor.
Kandidati prospettivi li jirċievu inviti direttament huma għal intervisti fil-media għandhom jinfurmaw minnufih lil min ikun għamel l-istedina biex jagħmel it-talba tiegħu lill-bord Media PN (permezz tal-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-PN) sabiex din tkun approvata. Meta din tkun approvata, il-media house konċernata tista’ torganizza l-loġistika direttament mal-kandidat prospettiv skont dawn ir-regolamenti.