Rick Carter, rebbieħ ta’ żewġ Oscars u disinjatur tal-produzzjoni f’films kbar, magħruf l-aktar għall-films Avatar, Forrest Gump u Lincoln, se jospita masterclass bl-isem “Visions Made Real” waqt il-Mediterrane Film Festival. Dan il-masterclass se jsir fil-Forti Rikażli nhar il-Ħamis, fl-10.00 a.m.
It-taħdita minn Carter se toffri ħarsa prattika dwar kif jinħolqu, jiġu ddisinjati u mibnija ambjenti ta’ films kbar. Huwa se jaqsam l-esperjenzi tiegħu ta’ snin twal ta’ kollaborazzjoni ma’ Diretturi bħal Steven Spielberg u James Cameron waqt din il-Masterclass.
Mill-użu ta’ settijiet reali flimkien ma’ effetti diġitali sal-ħolqien ta’ ambjenti li jservu r-rakkont, l-għarfien ta’ Carter mistenni jservi ta’ benefiċċju kemm għall-professjonisti tal-films kif ukoll għall-udjenzi kurjużi.
L-avveniment huwa miftuħ għal kulħadd, inklużi studenti, ħaddiema fl-industrija, film-makers u dilettanti tal-films. Dawk interessati li jattendu għal dan il-masterclass jistgħu jibbukkjaw minn fuq is-sit mediterrane.com