Thursday, December 26, 2024

Rebbieħa tal-Blue Campaign Photographic Competition

Aqra wkoll

Il-Blue Campaign Photographic Competition waslet fi tmiemha wara li ntgħażlu l-erba’ rebbieħa. Organizzata minn Din l-Art Ħelwa u appoġġjata mill-Bank of Valletta, din il-kompetizzjoni annwali hija organizzata bħala parti mill-Blue Campaign, kampanja kontinwa biex tqajjem kuxjenza dwar l-importanza li nipproteġu l-ambjent marittimu madwar il-Gżejjer Maltin.

L-edizzjoni ta’ din is-sena kienet tikkonsisti f’żewġ kategoriji – Kategorija A relatata ma’ ritratti ta’ tniġġis tal-baħar u kwalunkwe impatt negattiv ikkawżat mill-attività umana fuq l-ambjent tal-baħar lokali, filwaqt li Kategorija B kienet tikkonsisti f’ritratti li juru s-sbuħija tal-ħajja taħt l-ilma madwar Malta u Għawdex. Ir-rebbieħa tal-ewwel u t-tieni post miż-żewġ kategoriji ġew ippremjati bi premjijiet fi flus.

“Permezz ta’ dawn ir-ritratti qed inwasslu messaġġ b’saħħtu, li mhux qed nagħmlu biżżejjed biex nieħdu ħsieb l-ambjent marittimu għall-ġenerazzjonijiet futuri,” qal il-Professur Alex Torpiano, President Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa. “Ma kinitx faċli biex għażilna l-aqwa ritratti, u ta’ dan nixtiequ nirringrazzjaw lill-parteċipanti kollha u lill-Bank of Valletta talli għenuna biex l-Blue Campaign ta’ din is-sena kienet waħda aktar partikolari.”

“Din il-kompetizzjoni annwali tkompli tħeġġiġna biex naħdmu saħansitra aktar għax dejjem nirċievu rispons pożittiv ħafna u kontenut tajjeb mill-parteċipanti,” qal Dr Stanley Farrugia Randon, membru tal-kunsill fi ħdan Din l-Art Ħelwa. “Qed ninnotaw li sena wara sena, din l-inizjattiva edukattiva tkompli tiġbed l-interess ta’ diversi nies bħal membri minn skejjel tal-għadis, dilettanti tal-fotografija u dawk li għandhom l-ambjent għal qalbhom.”

Charles Azzopardi, Kap tas-CSR & Communication fil-Bank of Valletta, spjega kif l-appoġġ għal din il-kompetizzjoni jaqbel perfettament mal-programm ta’ ESG tal-Bank fit-twettiq tal-SDG ‘Life Below Water’. “Permezz tal-implimentazzjoni ta’ viżjoni ta’ ESG, qed nimmiraw li nissodisfaw ċerti Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs) billi mhux biss nipproteġu l-ambjent, iżda wkoll nedukaw lill-komunità lokali. Filwaqt li nkomplu nappoġġjaw ix-xogħol kontinwu minn Din l-Art Ħelwa, nittamaw li dawn ir-ritratti jservu ta’ lezzjoni tajba għall-komunità kollha.”

Ir-rebbieħa finali tal-kompetizzjoni huma David Agius b’‘Death for no purpose’, Mario Micallef b’‘Entangled Mass’, Lee Jellyman b’‘Cruising the tunnel’ u Victor Micallef b’‘Mediterranean Fan Worm’. Il-membri ta’ Din l-Art Ħelwa u tal-Bank of Valletta jawguraw lir-rebbieħa kollha tal-Blue Campaign Photographic Competition.

Ekonomija

Sport