Ir-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi, l-attivista tad-drittijiet tal-bniedem, Narges Mohammadi ngħatat sentenza oħra ta’ seba’ snin u nofs ħabs minn qorti Iranjana fil-belt ta’ Mashhad fil-grigal tal-pajjiż. Il-qorti kkundannata sitt snin għal “miġemgħa u kollużjoni”, u sena u nofs għal “attivitajiet ta’ propaganda.”
Hija ġiet arrestata f’Diċembru talli għamlet rimarki provokattivi f’ċerimonja ta’ tifkira, skont ma qalu l-awtoritajiet Iranjani. Il-familja tagħha allegat li hija ttieħdet l-isptar wara li ġiet imsawta waqt li kienet taħt l-arrest.
Narges Mohammadi ta’ 53 sena ngħatat il-Premju Nobel għall-Paċi fl-2023 għall-attiviżmu tagħha kontra l-oppressjoni tan-nisa fl-Iran.
L-avukat Mostafa Nili, li tkellem ma’ Mohammadi għall-ewwel darba mill-14 ta’ Diċembru, qal li hija ngħatat ukoll projbizzjoni ta’ sentejn milli titlaq mill-pajjiż u sentejn ta’ eżilju lejn ir-reġjun tal-Lvant ta’ Khusf.
Il-Fondazzjoni Narges, li tappoġġjaha, iddeskriviet is-seduta tal-qorti bħala falza u spjegat li Mohammadi bdiet strajk tal-ġuħ fit-2 ta’ Frar.
Ingħad ukoll li Mohammadi ittieħdet l-isptar tlett ijiem ilu minħabba l-kundizzjoni fiżika ħażina tagħha qabel ma ntbagħtet lura fiċ-ċentru ta’ detenzjoni li qed tinżamm fih.
Ġe rappurtat li Mohammadi ma għamlet l-ebda awto-difiża waqt li kienet fil-qorti minħabba li qieset li dik il-ġudikatura ma kellha l-ebda leġittimità u li l-proċedimenti kienu “sempliċi farsa u bi tmiem predeterminat.
Mohammadi diġà qattgħet aktar minn 10 snin minn ħajjitha l-ħabs. Il-Fondazzjoni Narges tgħid li l-aħħar sentenza tgħolli ż-żmien totali li ġiet sentenzjata tqatta’ l-ħabs għal 44 sena.
Mill-2021, ilha tiskonta sentenza ta’ 13-il sena għal attività ta’ “propaganda kontra l-istat” u kollużjoni kontra s-sigurtà tal-istat, akkużi li hija dejjem ċaħdet.
L-attivista ngħatat rilaxx temporanju mill-ħabs notorju ta’ Evin f’Tehran għal tliet ġimgħat f’Diċembru 2024 fuq raġunijiet mediċi. Hija kienet irritornat lura l-ħabs ftit wara, fejn kienet qed tiskonta diversi sentenzi.
L-aktar arrest reċenti sar hekk kif hi attendiet għal ċerimonja ta tifkira għal Khosrow Alikordi, avukat li kien instab mejjet fl-uffiċċju tiegħu fil-bidu ta’ Diċembru tas-sena l-oħra.
Grupp ibbażat fin-Norveġja, Iran Human Rights, appella għal inkjesta indipendenti biex jiġi stabbilit kif miet Alikordi billi ċ-ċirkostanzi madwar mewtu kienu suspettużi.

