Sunday, November 24, 2024

Rebħa faċli ta’ Sirens fuq Sliema Wanderers

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Sliema W. ….0

Sirens ………5

Sirens aċċertaw mis-salvazzjoni b’rebħa kbira ta’ 5-0 fuq Sliema Wanderers, biex l-istaġun li ġej se jikkompetu fl-ogħla diviżjoni għar-raba’ darba konsekuttiva.

Kienu Sirens li ħarġu fuq l-offenisva u fis-seba’ minuta fetħu l-iskor meta Alfred Effiong għadda tajjeb lejn BOGDAN GAVRILA li mill-viċin tefa’ ġewwa.

Kien goal li ħasad għal kollox lill-Wanderers għax proprju seba’ minuti wara l-Pawlini rduppjaw meta Renato Cardoso Neto żmarka għal kollox lil CONOR BORG li kompla għal ġewwa f’lasti vojta.

Man-nofs siegħa logħob Sirens reġgħu resqu viċin li jkabbru l-iskor iżda x-xutt ta’ Gavrila minn tarf il-kaxxa għadda ftit barra.

Huma komplew jammi­nistraw l-andament tal-logħba u eżattament ma’ tmiem l-ewwel taqsima huma reġ­għu heddew iżda Renato Cardoso falla l-mira bi ftit. 

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Sliema Wanderers, ħarġu aktar avventurużi u fit-48 minuta,  Jean Carlos Cloth Goncalves qabeż numru ta’ players ta’ Sirens, ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper Jo­nathan Debono b’dan tal-aħħar isalva bi bravura.

Dan sabiex mill-azzjoni li segwiet sekondi biss wara, Mark Scerri kellu xutt mid-distanza li stampa mal-mimduda, b’Sirens jeħilsuha ħafif.

Peró, fit-53 minuta, Sirens skorjaw it-tielet goal meta ALFRED EFFIONG minn kontrattakk veloċi, ħarab minn bejn id-difiża tal-Wanderers, u mill-viċin tefa’ ġewwa.

Tliet minuti biss wara, it-team minn San Pawl il-Baħar skorja r-raba’ goal wara li approfitta minn indeċiżjoni fid-difiża wara li l-goalkeeper żagħżugħ Timmy Aquilina, naqas milli jaħtaf il-ballun u RENATO CARDOSO mill-viċin ma żbaljax.

Fid-59 minuta, Sirens skorjaw il-ħames goal meta BOGDAN GAVRILA venven xutt minn tarf il-kaxxa  li ma ta l-ebda ċans lil Aquilina jsalva.

Huma baqgħu jamminsitraw il-vantaġġ sas-suffara finali fejn qatt ma taw ċans lill-Wanderers jidħlu fil- logħba.

SLIEMA W.: 1-Timmy Aqui­lina, 3-Juan Pablo Morales Rengifo, 6-Gabriel Aquilina, 7-John Mintoff (2-Luke Anthony Muscat 57), 8-Mark Scerri (21-Danny Holla 72), 18-Edmond Agius, 19-Jake Engerer, 23-Matteo Piciollo (30-Jean Paul Farrugia 57), 29-Oscar Linton Bethancourt (88-Dejan Vukovic 72), 61-Myles Beerman, 72-Jean Carlos Cloth Goncalves   – Coach: Noel Turner 

SIRENS: 1-Jonathan Debono, 7-Conor Borg, 10-Bogdan Gavrila (19-Andrey Nakov 72), 11-Alfred Effiong (31-Degran Jackson 59), 15-Adrian Borg, 17-Jacob Walker, 21-Carlo Zammit Lonardelli, 22-Alex Cini (16-Timmy Tabone Desira 72), 30-Carlos Castillo Riascos, 33-Vitor Vieira, 88-Renato Cardoso Porto Cardoso   – Coach: Winston Muscat

REFEREE: Daniel Portelli

ASS. REFEREES: Alan Ca­mil­leri, Kurt Saliba

RABA’ UFF: Philp Farrugia

SKORERS: B. Gavrila 7, R. N. Porto Cardoso 14, 56, A. Effiong 53, B. Gavrila 59 (S)

AMMONITI: G. Aquilina, M.Scerri (SW), J. Walker (S)

Sport