Tuesday, November 11, 2025

Rebħa għall-ħaddiema Ewropej

- Il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea tikkonferma d-Direttiva tal-UE dwar il-Paga Minima

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union (GWU) flimkien mal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (ETUC) laqgħat id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fejn ikkonfermat id-Direttiva tal-UE dwar il-Paga Minima. 

Il-Qorti kkonfermat il-validità tad-Direttiva u l-miżuri kollha relatati, filwaqt li żgurat li l-ġlieda għal pagi ġusti fl-Ewropa tkompli fuq bażi legali soda. Il-Qorti kkonfermat il-miżuri kollha relatati mal-promozzjoni tan-negozjar kollettiv inkluż ir-rekwiżit għall-istati membri li jressqu pjanijiet ta’ azzjoni biex iżidu l-protezzjoni tan-negozjar kollettiv.

Il-Qorti annullat l-Artikolu 5(2) – li kien fih il-kriterji dettaljati għall-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji. Filwaqt li kkonfermat id-dispożizzjonijiet l-oħra tad-Direttiva, inkluż l-Artikolu 5(1) li jgħaqqad il-pagi minimi mal-adegwatezza, bil-għan li jinkiseb standard ta’ għajxien deċenti. 

Dawn il-parametri referenzjarji jibqgħu għodod b’saħħithom biex jiggwidaw l-iffissar tal-paga minima statutorja ġusta u jiżguraw li l-pagi minimi jipproteġu lill-ħaddiema mill-faqar fost il-ħaddiema.

Il-GWU laqgħat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea u issa tħares ‘il quddiem biex jitfassal pjan ta’ implimentazzjoni biex in-negozjar kollettiv jiżdied għal 80%. “Din hija rebħa importanti għall-ħaddiema Ewropej inkluż dawk Maltin. Iż-żieda fil-paga minima jkollha effett fuq il-kumplament tal-istrutturi tal-pagi l-oħra kollha,” qal is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja.

Esther Lynch, is-Segretarju Ġenerali tal-ETUC, qalet, “din is-sentenza tikkonferma li d-Direttiva dwar il-Paga Minima tibqa’ soda – u issa l-UE tista’ u trid taġixxi għall-pagi ġusti.”

L-ETUC tappella lill-Istati Membri biex ikomplu bl-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva, inkluż iż-żieda tal-pagi minimi biex jintlaħqu l-parametri referenzjarji tal-paga adegwata u l-adozzjoni ta’ pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali biex jiżdied in-negozjar kollettiv għal 80%. Il-gvernijiet issa għandhom konferma legali sħiħa – id-Direttiva hija soda u trid titwettaq.

L-ETUC tappella lill-Kummissjoni biex tressaq immedjatament rakkomandazzjoni biex tappoġġja l-implimentazzjoni tad-Direttiva.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport