Aktar kmieni llum, il-qorti ċaħdet il-mandat ta’ inibizzjoni li fetħu l-Malta Association of Professional Engineers (MAPE) fil-konfront tal-Ministeru tiegħi u l-Bord tal-Inġiniera li kien qed iċaħħad studenti tal-MCAST, gradwati mill-course tal-inġinerija milli jieħdu l-warrant.
Dan iddikjarah il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett permezz ta’ messaġġ fuq il-mezzi soċjali, fejn irrimarka li b’din id-deċiżjoni, issa dawn l-istudenti li ħadmu, stinkaw u gradwaw se jitħallew jersqu għall-warrant u jingħataw l-istess trattament daqs ħaddieħor biex jibdew karriera li tant għandna bżonn f’pajjiżna.
Intant il-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi laqa’ din l-aħbar b’mod pożittiv. Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal; “L-istudenti li ggradwaw fl-Inġinerija mill-MCAST għandhom dritt għall-warrant. Ħasra li l-MAPE immexxija mill-Ing Arthur Ciantar tibqa’ għaddejja bil-kruċjata kontra dawn il-gradwati”


