Saturday, December 21, 2024

“Rebħa għas-settur tat-trasport ta’ pajjiżna”- il-Ministru Chris Bonett

Id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja...

Aqra wkoll

Fost il-kisbiet ta’ dawn l-aħħar jiem, l-iktar waħda importanti kienet ir-rebħa li għamel pajjiżna għas-settur tat-trasport meta fl-4 ta’ dan ix-xahar il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ippronuzjat ruħha b’mod li annullat ir-regolament tal-Unjoni Ewropea li kien jobbliga li trakkijiet jirritornaw lura lejn il-pajjiż tal-oriġini kull tmiem ġimgħat.

Din is-sentenza tal-Qorti hija prova tan-natura proattiva ta’ pajjiżna fit-tħaris u ssalvagwardja tal-interess nazzjonali b’mod attiv u effettiv fl-arena Ewropea. Dan stqarru l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Dr Chris Bonett waqt li nhar it-Tlieta kien qed jitkellem fl-Aġġornament tal-Parlament fejn qal ukoll li l-Gvern huwa kommess li jibqa’ jħares l-interess ta’ pajjiżna f’kull liġi Ewropea li fiha Malta tkun milquta sproporzjonalment.

Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Qorti, il-Ministru Bonett fakkar li għal erba’ snin, l-operaturi Maltin kienu milqutin b’mod inġust mir-regolament tal-Unjoni Ewropea li ma kienx jikkunsidra r-realtajiet ġeografiċi ta’ Malta. L-obbligu li trakkijiet jirritornaw lura mill-kontinent kull tmiem ġimgħat kien qed jikkawża piżijiet inaċċettabbli ekonomiċi, operazzjonali u ambjentali.

Bonett enfasizza li l-inddustrija tat-trailers għandha rwol ċentrali fil-konnettivita ta’ pajjiżna. “Hija industrija ewlenija li timmaniġġja t-trasport tal-prodotti Maltin fit-toroq Ewropej. Din l-industrija hija soda tant hu hekk li l-ekonomija ta’ pajjiżna tiddependi kuljum fuq din l-industrija bħala pont kruċjali tal-importazzjoni tagħna b’1,300 trailer joperaw minn u lejn Malta kull ġimgħa.”

Il-Ministru Bonett fid-diskors tiegħu għamel referenza wkoll għal studju li sar fl-2020 li sab li l-operaturi tat-trasport Maltin kien se jkollhom iżidu 42 trakk ġdid biex ikunu jistgħu jikkonformaw mar-regola l-ġdida. Dan kien jammonta għal spiża kapitali addizzjonali ta’ €5.3 miljuni li meta jingħaddu magħhom spejjeż oħra, l-ispiża totali kienet tista tilħaq bejn €10 u €18-il miljun. Spejjeż li probabbilment l-operaturi kienu jgħadduhom fuq il-konsumatur permezz ta’ prezzijiet ogħla għas-servizz tagħhom.

Lejn tmiem id-diskors tiegħu, il-Ministru Bonett, filwaqt li rrikonoxxa l-ħidma tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji u l-ATTO, sellem ukoll l-irwol importanti tal-MCESD f’dan il-proċess li serva bħala pjattaforma essenzjali biex inġiebu flimkien il-gvern, in-negozji u s-soċjetà ċivili u b’hekk ġie żgurat li l-pożizzjoni ta’ Malta tkun magħquda u soda.

Finalment, huwa stqarr li din ir-rebħa timlina bil-kuraġġ għaliex hija xhieda tal-kapaċità ta’ Malta li tinfluwenza l-politika Ewropea b’mod effettiv u kostruttiv. “Hija turija li meta nkunu magħqudin u determinati nistgħu niksbu riżultati pożittivi għal pajjiżna” temm jgħid il-Ministru Bonett.

Ekonomija

Sport