Zabbar SP …..0
Hamrun S. ….1
Minn Cristian Muscat
Wara r-rebħa stretta ta’ 2-1 fl-FA Trophy nhar l-Erbgħa li għadda, Hamrun Spartans kisbu double fuq Zabbar St Patrick meta għelbuhom bl-iskor minimu ta’ 1-0.
Madankollu, il-wirja tal- Ispartans kienet ferm aħjar minn dik ta’ nhar l-Erbgħa, fejn li kieku kienu iktar preċiżi fl-attakk, l-iskor seta’ faċilment kien akbar. Dan mingħajr ma wieħed ineħħi xejn mill-mertu ta’ Zabbar li fit-tieni taqsima dehru trasformati u ħolqu diversi ċansijiet ta’ skor.
Kienu Hamrun li ħarġu fuq l-offensiva u fl-10 minuta Ryan Camenzuli xeħet cross fid-direzzjoni ta’ Mihail Klepac li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm barra.
Tmien minuti wara Ryan Camenzuli ipprova jaħsad lill-goalkeeper Żabbari, Luca Camilleri, permezz ta’ xutt mid-distanza li iżda ntemm ftit għoli.
Fl-20 minuta, Hamrun Spartans rebħu penalty meta Joao Pedro De sa Mendonca, deher imiss il-ballun b’idu fil-kaxxa. Iżda mill-11-il metru Joseph Mbong falla l-mira.
Huma komplew jippressaw u fil-35 minuta daqqa ta’ ras mill-viċin tal-Albaniż, Redon Mihana, għaddiet ftit barra.
Fit-38 minuta, l-Ispartans fallew ċans tad-dehrb meta minn taħt il-lasti, Klepac ra t-tentattiv tiegħu jispiċċa ftit barra. Madankollu fil-ħin miżjuda tal-ewwel taqsima, huma fetħu l-iskor meta b’lob delizzjuż, CESAR MENACHO xeħet il-ballun fix-xibka.
Fil-50 minuta, Zabbar heddew iżda l-konklużjoni tas- sostitut, Stefan Ilic, spiċċat barra. Fis-57 minuta Brian Ariel Gambarte kellu xutt sabiħ salvat mill-goalkeeper Ħamruniż, Henry Bonello.
Huma komplew jippressaw u 10 minuti wara daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Jurgen Pisani ħarġet l-aħjar ta’ Bonello li salva b’mod stupend.
Hamrun wiegbu fl-84 minuta, Luke Montebello tfixkel fil-ballun fil-kaxxa biex iċ-ċans intilef u fil-ħin miżjud, Ryan Camenzuli xeħet cross insidjuż iżda ma kien hemm ħadd minn sħabu biex jikkonkludi.
ZABBAR SP: 1-Luca Camilleri, 5-Jake Micallef, 8-Felix Wallace Bonilha (95-Marcelo Barros Santos 74), 10-Brian Ariel Gambarte (9-Sean Gatt 87), 14-Antonio Pio Iervolino (11-Stefan Ilic 46), 17-Jurgen Pisani, 19-Diogo Joao Tavares, 21-Strahinja Jovancic, 28-Vinicius De Paiva (29-Abdoul Kairou Amoustapha 61), 31-Joao Pedro De Sa Mendonca (30-Kristian Keqi 67), 99-David Oliveira Souza – Coach: Aniello Parisi
HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 5-Sven Xerri, 10-Joseph Essien Mbong, 14-Elionay Freitas Da Silva, 20-Jovan Cadenovic, 28-Redon Mihana (29-Abdoul Kairou 61), 33-Mayron, 91-Emerson Marcelina, 92-Cesar Menacho (99-Raphel Lopes Silva 76), 94-Ryan Camenzuli, 97-Mihael Klepac (7-Luke Montebello 76) – Coach: Alessandro Zinnari
REFEREE: Ishmael Barbara
ASS. REFEREES: Duncan Spencer, Vasil Vasilev
RABA’ UFF: Daniel Portelli
SKORER: C. Menacho 45 (HS)
AMMONITI: J. P. De Sa Mendonca, V. De Paiva (ZSP)