Naxxar Lions …..4
Sta Lucia ………..0
Naxxar Lions komplew ikabbru l-problemi ta’ Santa Lucia meta għelbuhom bl-iskor kbir ta’ 4-0, biex b’hekk il-Luċjani baqgħu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika mingħajr ebda punt.
Min-naħa tan-Naxxarin, din kienet l-ewwel rebħa tagħhom li tagħtihom nifs ġdid fl-objettiv tagħhom li jsalvaw posthom mal-kbar.
Kienu Santa Lucia li ħolqu l-ewwel periklu fl-10 minuta meta xutt ta’ Eduard Wagner għadda ftit barra.
Naxxar wieġbu fl-14-il minuta meta Pablo Augusto kellu x-xutt fil-baxx tiegħu jipi salvat f’corner mill-goalkeeper ta’ Santa Lucia, Francisco Celio.
Dan tal-aħħar reġa’ kien il-protagonista tat-team tiegħu, fl-24 minuta, meta salva xutt ta’ Moreira, biex mir-rebound Maicon tefa’ barra.
Fil-41 minuta, Naxxar fetħu l-iskor meta minn azzjoni ta’ kontrattakk veloċi, il-ballun wasal għand PABLO AUGUSTO li kellu x-xutt sabiħ tiegħu jintemm wara Celio, bil-ballun jaħbat mal-wieqfa qabel jintemm ġewwa.
Erba’ minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, huma rduppjaw meta PABLO AUGUSTO b’intuwizzjoni naturali xeħet il-ballun fix-xibka.
Żewġ minuti biss wara, il-Lions skorjaw it-tielet goal meta Pablo Augusto għadda tajjeb lejn EDSON FARIAS li żmarkat waħdu tefa’ l-ballun f’lasta vojta.
Fis-57 minuta, Santa Lucia wettqu reazzjoni tajba u kienu sfortunati meta laqtu l-wieqfa permezz ta’ Tatsuro Nagamatsu.
Madankollu, fit-62 minuta, kien imiss lil Naxxar li jolqtu l-lasta, din id-darba permezz ta’ Pablo Augusto, li bla dubju kien l-aħjar player ta’ din il-partita.
Fis-87 minuta, in-Naxxarin skorjaw ir-raba’ goal meta wara li rċieva minn free-kick ta’ Daren Falzon, JOAO VITOR bir-ras tefa’ l-ballun wara Celio.
Naxxar L.: 1-Matthias Debono, 3-Nikolai Micallef, 8-Neil Pace Cocks (Mark Fenech 87), 9-Pablo Augusto, 10-Edson Farias (11-Daren Falzon 73), 15-Ryan Gilmour Cassar, 17-Takuma Yamaguchi, 20-Elizeu Espiritu (4-Ryan Mercieca 90), 22-William Moreira (19-Jayden Bonanno 90), 23-Maicon, 33-Joao Vitor – Coach: George Vella
Sta Lucia: 12-Francesco Celio, 3-Mattias Ellul, 7-Steve Pisani (15-Adam Bradshaw 46), 9-Eduardo Alves (14-Dexter Xuereb 46), 10-Tatsuro Nagamatsu (29-Jed Valletta 76), 17-Jurgen Pisani, 20-Gonzalo Nicolas Virano (11-Lucas Sena Silva 46), 22-Carlos Gabriel, 27-Alessio Piazza (18-Jan Tanti 84), 33-Patrick de Oliveira, 55-Sven Xerri – Coach: Alessandro Zinnari
Referee: Matthew Degabriele
Ass. Referees: Mitchell Scerri, Max-Lee Muscat
Raba’ Uffiċjal: Slobodan Petrovic
Skorers: P. Augusto 41, 49, E. Farias 51, J. Vitor 87 (N)
Ammoniti: R. G. Cassar (N), S. Pisani, W. Alves, J. Pisani, L. Sena Silva (SL)
Player tal-Logħba: Pablo Augusto (N)