Monday, September 15, 2025

Rebħa kbira għall-GWU fil-Marina Palace Home … Ġustizzja ma’ żewġ carers wara snin ta’ sfruttament

Aqra wkoll

Wara proċess twil u diffiċli, fejn il-General Workers’ Union (GWU) ħadmet bla heda biex issir ġustizzja ma’ żewġ membri tagħha, carers fil-Marina Palace Home, il-Qorti qatgħetha favur dawn il-ħaddiema, u ordnat li jingħataw il-pagi kollha dovuti lilhom u li kienu qed ikunu kontinwament imċaħħda minnhom. 

Din hija rebħa kbira u ċara għall-GWU u  fuq kollox twettiq ta’ ġustizzja  ma’ dawn il-ħaddiema li ilhom jiġu abbużati. Il-GWU temmen li din is-sentenza tagħti messaġġ ċar kontra kull tip ta’ abbuż, sfruttament u inġustizzji speċjalment  fuq il-ħaddiema barranin fis-settur privat tal-kura għall-anzjani. 

Dan il-każ ilu għaddej sa mis-sena 2022 fejn iż-żewġ carers fil-Marina Palace Home affaċċjaw  sitwazzjoni kontinwa  ta’ sfruttament u nuqqas ta’ rispett lejn id-drittijiet bażiċi tagħhom. Għal xhur sħaħ ma rċevewx il-paga dovuta u kienu qed jirċievu biss parti żgħira mill-paga. Tali aġir abbuiv u rresponsabbli mill-maniġment tal-Marina Palace Home kien qed jikkawża problemi kbar għal dawn il-ħaddiema hekk kif ma setgħux jgħixu ħajja diċenti.

Wara li kontinwament baqgħu jiġbdu l-attenzjoni u l-maniġment tad-dar b’mod irresponsabbli baqa’ jwegħdhom li se jħallashom kollox, iżda baqa’ qatt ma mmaterjalizza ruħu, iż-żewġ ħaddiema nvoluti għamlu l-kuraġġ u resqu għand il-GWU biex jitolbuha tiddefendihom bit-tama li forsi  jieħdu dak li kien tagħhom bi dritt u jieqaf l-aġir abbużiv.

Immedjatamentil-GWU, permezz tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa, daħlet biex tiddefendi lil dawn il-ħaddiema fejn assistiet bl-avukati tagħha partikolarment Dr Whitney Turner. Dal-proċess ma kienx faċli u tawwal sew anke minħabba ostakli legali u amministrattivi. 

Il-GWU tħossha sodisfatta li fl-aħħar ingħatat sentenza li ġabet ġustizzja. Dan ikompli  jikkonferma kemm hu importanti li l-ħaddiema jkollhom l-appoġġ ta’ unjin b’saħħitha u tim legali kompetenti li anke quddiem ostakli u teknikalitajiet legali ssir ġustizzja anke meta t-triq tidher li tkun impossibbli. Għaldaqstant il-GWU tħeġġeġ ukoll biex kull min iħossu abbużat għandu immedjatament  jersaq lejha u ma joqgħodx lura milli jwassal il-vuċi tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport