Sliema Wanderers…3
Mosta …………………1
Minn Cristian Muscat
Sliema Wanderers ikkonvinċew bis-sħiħ meta għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 3-1.
Kienet rebħa meritata għall-Wanderers, għalkemm wieħed ma jrid ineħħi xejn mill-mertu ta’ Mosta li offrew oppożizzjoni denja matul ħinijiet twal tal-partita.
Kienu Sliema li ħolqu l-ewwel periklu wara biss ħames minuti meta Geoffrey Achempong kellu xutt mid-distanza li għadda jħakkek ma’ sieq il-wieqfa.
Huma komplew jippressaw u erba’ minuti wara fetħu l-iskor meta Acheampong xeħet cross preċiż fid-direzzjoni ta’ VITO PLUT li permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ l-ballun fis-saqaf tax-xibka.
Il-Wanderers baqgħu jiddominaw u fit-18-il minuta Mohamed Awad infiltra tajjeb fil-kaxxa u kellu xutt mill-viċin devjat f’corner minn difensur ta’ Mosta, bil-ballun jaħbat max-xibka minn barra.
Iżda, fis-26 minuta, kontra x-xejra tal-logħob, Mosta għamlu l-iskor indaqs meta Prince Afriyie kellu xutt fil-baxx minn pożizzjoni angolata salvat parzjalment mill- goalkeeper Kelvin Emeka Agu, u mir-rebound, ZACHARY BRINCAT, tefa’ l-ballun f’lasti vojta.
Fid-49 minuta Simon Zibo kellu xutt dgħajjef mid-distanza li ġie salvat mingħajr diffikultá mill-goalkeeper ta’ Mosta, David Udoh Akpan.
Il-Mostin wieġbu ħames minuti wara permezz ta’ free-kick ta’ Clayton Failla li ġie mdawwar f’corner minn Emeka Agu.
Fis-57 minuta, Sliema reġgħu marru fil-vantaġġ meta Adam Magri Overend xeħet cross fid-direzzjoni tal-attakkant GEOFFREY ACHEAMPONG li b’xutt b’saħħtu ma ta l-ebda ċans lil Akpan.
Fit-83 minuta, Sliema kienu sfortunati li ma skorjawx it-tielet goal meta Adam Magri Overend kellu x-xutt tiegħu devjat minn difensur avversarju, bil-ballun jaħbat mal-wieqfa, b’Mosta jeħilsuha ħafif u jevitaw auto-goal sfortunat.
Iżda l-Wanderers ma kellhomx jiġu mċaħħda minuta biss wara meta s-sostitut JONATA BASTOS mill-viċin ma ħafirx hekk kif żmarkat tefa’ l-ballun f’lasti vojta.
Sliema komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
SLIEMA W.: 12-Kelvin Emeka Agu, 2-Jean Borg, 7-Adam Magri Overend, 9-Vito Plut (97-Jonata De Bastos 70), 11-Myles Beerman (6-Juan Felipe Belfiore 87), 15-Gustavo Alvino, 20-Wescley, 31-Henrique Murilo, 33-Geoffrey Edwin Acehenong, 42-Simon Zibo (5-Neil Frendo 70), 77-Mohamed Awad (77-Sergio Filipe Ramos Da Silva 76) – Coach: Paul Zammit
MOSTA: 22-David Udoh Akpan, 4-Prince Afriyie, 5-Sasha Cachia, 6-Larssson Coulibaly (29-Stephen Chiemezie 81), 10-Giancarlo Goncalves, 13-Clayton Failla (7-Jubril Opeyemi Azeez 63), 21-Nathan Agius (2-Aiden Agius 63), 30-Sunday Okereke, 31-Joao Victor Teixeira, 74-Jake Vassallo (20-Russell Caruana 63), 77-Zachary Brincat (33-Bradley Farrugia 63) – Coach: Joseph Grech
REFEREE: Ezekiel Barbara
ASS. REFEREES: Luke Portelli, David Castillo
RABA’ UFF: Philip Farrugia
SKORERS: V. Plut 9, G. E. Achempomg 57 (S), Z. Brincat 26 (M)
AMMONIT: S. Cachia (M)