Saturday, December 21, 2024

Rebħa komda ta’ Birkirkara fuq Balzan

Aqra wkoll

Balzan …………0

Birkirkara ……3

Birkirara xejn ma tħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Balzan bl-iskor ta’ 3-0, bil-goals jaslu tnejn fl-ewwel taqsima u wieħed kmieni fit-tieni taqsima. L-Istripes impressjonaw bil-kbir matul id-90 minuta u ddominaw għal kollox lill-avversarji tagħhom li b’kuntrast għat-team immexxi mill-coach, Giovanni Tedesco, ħoloq azzjoni waħda biss denja ta’ nota. 

B’hekk wara t-telfa diżappuntanti ta’ 2-0 fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet kontra Mosta, Birkirkara, irritornaw għar-rebħ.    

Birkirkara fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu, fl-10 minuta, meta YANNICK YANKAM kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u b’xamma kbira għall-goal, permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ ġewwa.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u fl-34 minuta rebħu penalty meta Triston Caruana waqqa’ lil Enmy Manuel Pena Beltre fil-kaxxa.

Mill-11-il metru, inkariga ruħu l-iskorer prolifiku Rumen, Andrei Ciolacu, li ma żbaljax.

Balzan wieġbu għall-ewwel darba fit-43 minuta meta Leonardo Da Silva de Souza minn taħt il-lasta tefa’ inkredibbilment għoli biex falla l-goal tad-draw.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Birkirkara komplew fejn ħallew qabel il-mistrieħ u fis-47 minuta, għamluhom tlieta meta ANDREI CIOLACU approfitta minn indeċiżjoni tad-difensur Momcilo Raso, seraq il-ballun, qabeż ukoll lill-goalkeeper ta’ Balzan, Danilo Golovic, li ħareġ barra minn postu fit-tentattiv li jikklerja l-ballun ‘il bogħod minn kull periklu, u tefa’ l-ballun f’lasti vojta, biex b’hekk irreġistra doppjetta personali. 

Huma komplew jippres­saw u fis-77 minuta, is-sostitut żagħżugħ, Matteo Gam­bin, kellu xutt angolat fil-baxx minn ġol-kaxxa li għadda ftit barra.

L-Istripes komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita bil-Balzanin qatt ma dehru perikolużi.

BALZAN: 99-Danilo Golovic, 2-Ivan Bozovic, 5-Samir Arab, 7-Triston Caruana (4-Andre Prates 46), 10-Jake Grech (11-Benjamin Hili 67), 18-Ryohei Michibuci, 24-Nikola Braunovic (8-Paul Fenech 46), 27-Momcilo Raso, 42-Leonardo Da Silva de Souza, 77-Aleksa Andrejic (14-Dimeji Awosanja 46), 80-Peter Olawale (21-Aleksandar Katanic 46)   – Coach: Oliver Spiteri

BIRKIRKARA: 1-Marcel Zapytowski, 3-Daniele Mariani, 4-Jovan Pajovic, 5-Enrico Pepe, 8-Yannick Yankam (6-Marko Durisic 80), 10-Paul Mbong (21-Manuel De Filippis 89), 11-Kurt Zammit (20-Alex Satariano 72), 24-Enmy Manuel Pena Beltre (30-Nathan Cross 89), 42-Simon Zibo, 77-Ali Diakite, 99-Andrei Cioalcu (22-Matteo Gambin 72)   – Coach: Giovanni Tedesco

REFEREE: Philip Farrugia

ASS. REFEREES: Alan Camilleri, Duncan Sultana

RABA’ UFF:Trustin Farrugia Cann

SKORERS:Y. Yankam 10, A. Ciolacu pen. 35, 47 (Bk)

AMMONITI: S. Arab, N. Braunovic, L. Da Silva Souza, P. Olawale, B. Hili (Bz), J. Pajovic, E. Pepe (Bk)

Ekonomija

Sport