Wednesday, December 25, 2024

Rebħa komda ta’ Birkirkara fuq Gudja United

Aqra wkoll

Birkirkara ………3

Gudja United ….0

Birkirkara saħħew it-tielet post tal-klassifika tal-Kampjonat BOV Premier meta rritornaw għar-rebħ hekk kif għelbu lil Gudja United bl-iskor ta’ 3-0.

It-team immexxi minn Andre Paus kien superjuri fejn għalihom kien protagonist Kilian Bevis li rreġistra doppjetta.

Il-Karkariżi kellhom tliet bidliet mill-logħba tagħhom kontra Valletta meta rritorna għalihom il-goalkeeper Da­niel Fernandes li ħa post Amara Sylla waqt li Ryan Scicluna u Oscar Carniello daħlu minflok Enzo Ruiz u l-imweġġa’ Cain Attard. Min-naħa l-oħra, għal Gudja, Aidan Friggieri ħa post Ahinga Bienvenu Selemani.

L-ewwel azzjoni waslet wara ħames minuti minn Birkirkara meta x-xutt ta’ Ki­lian Bevis minn barra l-kaxxa ġie salvat minn Glenn Zammit.

Gudja rrispondew fit-12-il minuta, b’passaġġ fit-tul lejn Llywelyn Cremona li kkon­trolla billi ġibed lejn il-lemin u pprova jqabbeż minn fuq Fernandes minn tarf il-kaxxa iżda l-ex-internazzjonali Portugiż salva tajjeb. Minuta wara, cross-shot ta’ Montebello mix-xellug ġie salvat minn Zammit.

Fit-18-il minuta, l-Karkariżi fetħu l-iskor  meta Macedo ta ballun fit-tul lil KILIAN BEVIS li daħal fil-kaxxa qabel għeleb lill-goalkeeper ta’ Gudja.

Birkirkara rduppjaw erba’ minuti wara. Aguirre għadda ballun tajjeb fuq ix-xellug u b’Bolanos jiżloq fit-tentattiv li jikklerja, Zammit kompla lejn LUKE MONTEBELLO li minn pożizzjoni ċentrali spara ġewwa.

Erba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima, Gudja resqu viċin meta Dzalamidze qassam tajjeb lejn Friggieri fuq il-lemin iżda x-xutt fil-baxx tiegħu minn tarf il-kaxxa ġie salvat minn Fernandes.

Fit-tieni taqsima, Gudja ħarġu tajjeb u tentattiv ta’ Cremona minn barra l-kaxxa ġie mdawwar f’corner bi bravura mill-goalkeeper ta’ Birkirkara wara anqas minn minuta biex imbagħad minn cross ta’ Marcelo Dias mil-lemin, id-daqqa ta’ ras ta’ Matias Muchardi ġiet newtralizzata minn Fernandes.

Fil-61 minuta, Birkirkara għamluhom tlieta biex aċertaw mir-rebħa meta minn corner ta’ Venancio mix-xellug, Gatt ikklerja qasir bir-ras biex KILIAN BEVIS ikkonkluda mill-ewwel bil-ballun jaħ­bat mal-mimduda qabel jispiċċa ġewwa.

Fis-77 minuta, il-Karkariżi spiċċaw jilagħbu bi player inqas meta tkeċċa Carniello għat-tieni karta safra li kienet deċiżjoni xi ftit ħarxa.

Birkirkara: 1-Daniel Fernandes, 5-Enrico Pepe, 7-Luke Montebello, 10-Paul Mbong (8-Claudio Bonanni 74), 11-Kurt Zammit, 21-Ryan Scicluna, 25-Oscar Carniello, 27-Leandro Aguirre (14-David Johnson Nsumoh 74), 30-Kilian Bevis (6-Yannick Yankam 81), 70-Jeferson Macedo, 77-Diego Venancio  – Coach: Andre Paus

gudja U.:  1-Glenn Zammit, 5-Matias Roberto Muchardi (22-Hubert Vella 69), 7-Aidan Friggieri, 8-Rodolfo Soares, 10-Llywelyn Cremona (17-Gabriel Mensah 80), 13-James Arthur, 23-Neil Tabone (18-Kyle Gatt 58), 25-Juan Bolanos Ramires, 28-Nika Dzalamidze (27-Justin Grioli 69), 29-Giorgi Nikabadze (3-Tatsuro Nakamatsu 80), 99-Marcelo Dias  – Coach: Thane Micallef

REFEREE: Matthew Degabriele

ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Christopher Francalanza

RABA’ UFF: Andrea Sciriha

SKORERS: K. Bevis, 18, 61, L. Montebello 22 (B)

AMMONITI: J. Arthur (G); O. Carniello (B)

TKEĊĊA: O. Carniello 77 (B)

Ekonomija

Sport