Saturday, December 21, 2024

REBĦA KONVINĊENTI… MESSAĠĠI ĊARI

Aqra wkoll

Ilbieraħ filgħodu, kif kien mistenni u kif indikaw l-istħarriġ pubblikati minn L-ORIZZONT u IT-TORĊA, il-Partit Laburista reġa’ ngħata l-fiduċja tal-poplu. Fiduċja b’mod qawwi ħafna. Fiduċja li ngħatat għat-tielet darba konsekuttiva. Fiduċja li ngħatat minkejja li pajjiżna fl-aħħar xhur għadda minn sfidi fosthom il-pandemija. 

Il-fiduċja tfisser li l-maġġoranza tal-poplu llum qed jgħix aħjar. Tfisser li l-poplu rrikonoxxa li minkejja il-ġrieħi li ħalliet il-pandemija, il-gvern mexa b’għaqal kif tratta l-pandemija. Uża l-fondi li pajjiżna kien ġemma taħt l-amministrazzjoni mmexxja minn Joseph Muscat. Użahom għall-ġid tal-poplu u tat-tfal. Il-fiduċja tfisser ukoll li l-poplu rrikonoxxa ħidma oħra li saret bla preċedent fejn jidħlu t-toroq b’ħidma mmexxija mill-Ministru Ian Borg. Tfisser li rrikonoxxa l-ħidma fil-qasam soċjali. Turi ir-rikonoxximent tal-ħidma fid-drittijiet ċivili. Ma’ dan hemm l-investiment li sar f’pajjiżna u kif il-gvern għen biex ma jintilfux l-impjiegi u nħolqu oħrajn ġodda. M’hemmx dubju li qabel mar jivvota l-poplu Malti tefa’ kollox fil-miżien. Analizza jekk illum hux qed jgħix aħjar minn kif kien jgħix għaxar snin ilu taħt amministrazzjoni Nazzjonalista. Ir-riżultat miksub mill-Partit Laburista, juri li l-poplu għaraf li l-miżien ixaqleb bil-kbir favur il-gvern. Ma jfissirx li m’hemmx problemi. Ma jfissirx li m’hemmx sfidi. Ma jfissirx li ma fadalx xi jsir. Biss tidher ċara li l-maġġoranza tħoss li trid tkompli miexja f’din id-direzzjoni. Direzzjoni li tħares ‘lquddiem. Direzzjoni li tħares lejn il-futur u li ma tiddejjaqx tieħu miżuri xi kultant iebsa fl-isfidi li jiffaċċja l-pajjiż.

M’għandniex dubju li din ir-rebħa hi mertu ta’ dan il-gvern. Nemmnu iżda li hu importanti li quddiem din ir-rebħa, il-Gvern u l-Partit Laburista iridu iżommu saqajhom mal-art. 

Ovvjament, kif għedna diġa, f’din l-elezzjoni ivuvtaw inqas nies. Rajna ħafna aktar nies mis-soltu li ma ġabrux il-vot. Dan hu messaġġ. Messaġġ li m’għadux jiġi injorat. Il-messaġġ hu lejn iż-żewġ partiti. Min mod u min ieħor. Nemmnu li l-partiti iridu janalizzaw ukoll għaliex kien hemm tnaqqis fl-ammont ta’ nies li marru jivvutaw. M’hemm ebda dubju li dawn għandhom ir-raġunijiet tagħhom li wassluhom għal dan.

Jekk din hi rebħa mertu tal-Partit Laburista, daqstant ieħor hi dimertu tal-Partit Nazzjonalista. M’hemm ebda dubju li wara din it-telfa kbira, il-Partit Nazzjonalista mhux analiżi tat-telfa biss irid jagħmel iżda jrid jibda proċess ta’ tiġdid. Proċess li baqa ma sarx mindu saret it-telfa Nazzjonalista fis-sena 2013. Il-Partit Nazzjonalista li llum il-kredibilità tiegħu kompliet nieżla l-isfel mal-elettorat, irid jibda proċess ta’ tiġdid billi jixkupa ‘lbarra lil dawn li baqgħu jiddettaw ċertu aġenda fl-istess Partit Nazzjonalista. Kemm se ndumu ngħidu li l-mibegħda u l-ħdura m’hemm posthom f’dan il-pajjiż? Kemm se ndumu ngħidu li l-politika ta’ negattività dejqet lill-poplu? Kemm se ndumu ngħidu li l-poplu immatura u ma tbellalux ir-ross bil-labbra? Kemm se ndumu ngħidu li l-votant żagħżugħ illum ma jinteressahx il-politika tal-bieraħ imma politika li tħares għall-futur.

Illum għandna Partit Nazzjonalista li qed jirriskja li jispiċċa partit irrilevanti. Nifhmu li bil-firda kbira li hemm f’dan il-partit, firda li kompliet ħarġet fil-beraħ bit-tneħħija ta’ Adrian Delia minn kap, it-triq ‘l quddiem għal dan il-partit mhix faċli. Jekk dan il-Partit Nazzjonalista irid li jerġa’ jsir Oppożizzjoni serja u kredibbli, kif fuq kollox għandu bżonn dan il-pajjiż, irid jerġa’ jibda mill-bidu. Dikjarazzjoni bħal dik li għamel Bernard Grech, li se jitlob vot mill-Partit Nazzjonalista biex ikompli jmexxi, ma tantx tawgura tajjeb għal dan il-partit. Il-mistoqsija hi ċara: il-Partit Nazzjonalista se jkompli f’din it-triq li qabad? Triq li l-poplu bil-vot warrabha bil-vot tiegħu nhar is-Sibt.

Ekonomija

Sport